Sunday, May 19, 2024

31 persuna mħarrka fuq użu tal-kannabis f’postijiet pubbliċi

Paceville bl-akbar ammont ta’ każijiet…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-użu responsabbli tal-kannabis huwa legali f’Malta iżda b’differenza għal dak li ħafna jaħsbu, f’postijiet pubbliċi dan l-użu mhuwiex permess. Fil-fatt matul is-sena l-oħra sa April tal-2023, kien hemm xejn inqas minn 31 persuna li ġew imħarrka wara li nqabdu jagħmlu użu tal-kannabis f’postijiet pubbliċi.

Dan ħareġ minn tagħrif li ta fil-Parlament il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri li f’tabella li ppreżenta kien hemm il-każijiet li seħħu f’Paceville, f’Tas-Sliema, fil-Belt Valletta, f’Marsascala u f’Marsalforn Għawdex.

Filwaqt li minn din it-tabella rriżulta li ma kien hemm ebda każijiet f’San Ġiljan u fil-Gżira, rajna li l-aktar lokalità li fiha kellha tagħmel intervent il-Pulizija fir-rigward, hija dik ta’ Paceville. Hawn, fl-2022 kien hemm disa’ każijiet mentri, sa April ta’ din is-sena persuna waħda ġiet imħarrka wara li nqabdet tagħmel użu mill-kannabis f’postijiet pubbliċi. Il-persuni involuti kienu mis-Somalja, mill-Gambja, mill-Mali, min-Niġerja, mir-Renju Unit u mill-Ġermanja. L-etajiet tagħhom varjaw bejn it-23 u d-39 sena.

Fl-2022, f’Tas-Sliema jirriżulta li tħarket persuna ta’ 20 sena mentri, il-każ ta’ Marsalforn seħħ din is-sena u l-persuna involuta kien Malti ta’ 17-il sena.
L-użu llegali tal-kannabis fil-postijiet pubbliċi fil-Belt Valletta seħħ din is-sena wkoll fejn sa April kien hemm erba’ każijiet. Il-persuni mħarrka kienu kollha Maltin u l-etajiet tagħhom kienu bejn is-16 u d-19-il sena. F’Marsascala kien hemm tliet każijiet, ukoll sa April tal-2023, b’persuni Maltin imħarrka li kellhom bejn is-17 u t-28 sena.

Il-Ministru Camilleri kien qiegħed jirrispondi għal interpellanza mid-Deputat tal-PN, Albert Buttigieg.

Sport