Tuesday, September 30, 2025

314-il raġel jagħmlu rapport dwar vjolenza domestika … Ammont irreġistart fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena

Aqra wkoll

Il-vjolenza domestika hija pjaga soċjali li fil-maġġoranza tal-każijiet hemm vittmi nisa. Però din il-vjolenza intima wara l-bibien mhiex realtà ta’ nisa biss. Vittmi hemm ukoll irġiel, tfal u anzjani fostna. Fil-fatt, għalkemm wieħed forsi ma jirrealizzax, hemm irġiel li wkoll jisfgħu vittmi. Dan il-fenomenu reġa’ ġie kkonfermat riċentement fil-Parlament hekk kif irriżulta li bejn Jannar ta’ din is-sena u s-7 ta’ Settembru kien hemm 314-il raġel li ressqu ‘l quddiem u għamlu rapport ta’ vjolenza domestika. 

Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, waqt li kien qiegħed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputata Nazzjonalista, Graziella Attard Previ.

Minn aktar informazzjoni li ta l-Ministru Camilleri fil-Parlament, jirriżulta li matul is-sena li għaddiet kien hemm 530 raġel li rrapporta vjolenza domestika fuqhom. Dawn l-ammonti mhumiex ftit u jpoġġu quddiemna realtà li filwaqt li titlob azzjoni, tqajjem urġenza ta’ aktar għarfien dwar il-fatt li l-vjolenza domestika hija mifruxa fost il-ġeneri.

Vjolenza domestika fuq irġiel f’Malta

F’dawn l-aħħar snin, informazzjoni miġbura u rapporti juru li l-irġiel jagħmlu parti sinifikanti mill-persuni li jfittxu appoġġ jew jirrapportaw każijiet ta’ vjolenza fil-familja. Dan ifisser li l-problema hija multidimensjonali fejn ma tikkonsistix biss f’każijiet fejn irġiel huma l-perpetraturi, iżda tinkludihom ukoll bħala vittmi. Għax huma rġiel, sfortunatament spiss jiffaċċjaw stigma, diffikultajiet fil-aċċess għal servizzi u biża’ minn ostakli fil-proċess ta’ rapportar.

Skont is-sorsi u s-servizzi li jittrattaw dawn il-każijiet, numru sinifikanti ta’ persuni wżaw servizzi relatati ma’ vjolenza domestika u fil-grupp tal-perpetraturi li jfittxu programmi ta’ riabilitazzjoni, l-irġiel jammontaw għall-maġġoranza kbira. Dan jindika żewġ affarijiet – il-ħtieġa li jiġu indirizzati mudelli ta’ aggressjoni marbuta b’mod spiss ma’ rġiel u l-ħtieġa ta’ servizzi sensittivi għall-vittmi maskili.

L-importanza li tinġabar l-informazzjoni…

Kull informazzjoni miġbura inkluż dejta minn entitajiet pubbliċi u NGOs, joffru tagħrif dwar kemm persuni wżaw servizzi jew ġew referuti. Dawn l-indikaturi juru li madwar kwart tal-persuni li jfittxu appoġġ jista’ jkunu maskili. Din l-informazzjoni però hija biss indikattiva hekk kif f’każijiet ta’ vjolenza domestika u b’mod partikolari b’vittmi rġiel, ħafna jagħżlu li ma jirrapportawx. 

Kemm riċerki lokali kif ukoll internazzjonali jindikaw li ħafna vittmi maskili ma jirraportawx l-abbuż minħabba stigma soċjali, perċezzjoni li ma jitqiesux bħala vittmi, biża’ li ma jitwemmnux fil-qorti u finalment biża’ fuq ir-reputazzjoni tagħhom. Dan jagħmel il-prevalenza reali possibbilment ogħla milli fil-fatt joħroġ fl-istatistiċi u studji oħra.
Min-naħa l-oħra hemm kwistjonijiet dwar metodoloġija u rapporti doppji. Dan meta diversi sorsi li jinkludu l-pulizija, is-servizzi soċjaali u għaqdiet non-governttivi (NGOs) jirreferu l-istess persuna aktar minn darba. Mingħajr sistema standardizzata li tidentifika każijiet uniċi, mhumiex dejjem faċli li l-ammont proprja ta’ vittmi kun korrett.

Tipi ta’ abbuż u s-servizzi offruti

Il-vjolenza domestika ssir f’forom differenti. Hemm swat fiżiku, psikoloġiku, sesswali u anke ekonomiku. F’rapporti u każijiet magħrufa, l-irġiel ta’ spiss jirrapportaw inċidenti li jinvolvu vjolenza fiżika jew theddid. Iżda, jeżistu wkoll każijiet fejn l-abbuż huwa psikoloġiku jew sesswali. Dawn l-aħħar jistgħu jiġu inqas identifikati.

Fejn jidħlu servizzi lokalment hemm entitajiet li joffru appoġġ lill-vittmi, unitajiet speċjalizzati u programmi għall-perpetraturi. Fil-prattika l-programmi għall-perpetraturi, kif nistgħu naraw, hemm parteċipi prinċipalment irġiel. Filwaqt li importanti ħafna l-għajnuna lill-agressuri, din tista’ tirriżulta wkoll fi pressjoni fuq is-servizzi li għandhom joffru soluzzjonijiet ta’ riabilitazzjoni u prevenzjoni fil-livell tal-irġiel.

Għaliex l-irġiel isibuha diffiċli biex jirrapportaw?

Minn studji li saru dwar għaliex l-irġiel vittmi ta’ vjolenza domestika jħossuha daqshekk diffiċli biex jirrapportaw l-abbuż fuqhom hemm fuq kollox stigma persistenti kif ukoll stereotipi tal-maskolinità. Dan minħabba l-aspett soċjali li l-irġiel huma b’saħħithom u awtomatikament mistennija li ma jisfgħux vittmi ta’ vjolenza fuqhom.
Hemm ukoll perċezzjonijiet dwar is-servizzi fejn xelters u servizzi tal-appoġġ tradizzjonalment ġew iddisinjati u reklamati b’mod li jappellaw aktar għan-nisa u dan jista’ jwassal biex ikun hemm irġiel vittmi li jaħsbu li l-istess servizzi mhumiex relevanti għalihom. Mil-lat legali mbagħad xi rġiel vittmi ta’ vjolenza domestika jaħsbuha darbtejn, tlieta qabel jirrapportaw biex jevitaw kumplikazzjonijiet legali inkluż proċessi u kustodja tat-tfal.

X’inhu meħtieġ:

Ħidma għal bidla effettiva

  • Standardizzazzjoni tad-dejta: ħolqien ta’ database nazzjonali ddettaljata li tintegra r-rapporti mill-pulizija, mis-servizzi soċjali u mill-NGOs bil-għan li jkunu rreġistrati vittmi individwali. Dan jippermetti analiżi konsistenti u policy-making ibbazzata fuq evidenza;
  • Espansjoni ta’ servizzi sensittivi għall-irġiel: hotline, appoġġ psikoloġiku u gruppi li jindirizzaw speċifikament it-trawma tal-vittmi maskili, kif ukoll informazzjoni u kampanji li juru li s-servizzi huma għal kulħadd;
  • Programmi ta’ prevenzjoni u riabilitazzjoni: aktar investiment fi programmi għall-perpetraturi u kampanji edukattivi li jindirizzaw “normi” soċjali ħżiena u jwasslu tagħrif dwar manifestazzjonijiet differenti ta’ aggressjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport