Il-programm LEAD tal-Partit Laburista kompla jissaħħaħ bi 33 mara oħra jingħaqdu f’dan il-programm, li għandu l-għan li jkompli jżid is-sehem tal-mara fil-politika.
F’konferenza tal-aħbarijiet bil-parteċipanti l-ġodda fl-isfond, il-ko-ordinatriċi tal-programm, Miriam Dalli, spjegat kif il-parteċipanti ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja u għandhom ukoll etajiet differenti.
“Konvinta li bis-sehem tagħhom mhux biss se jgawdi l-Partit Laburista iżda wkoll il-pajjiż,” qalet Dalli li spjegat li l-għan tal-Partit Laburista hu li jħarriġhom u jrawwimhom bħala politiċi ġodda li jkunu kapaċi jindirizzaw il-polz tal-elettorat.
Il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Zammit Alamango, innotat kif dan il-programm huwa totalment ibbażat fuq il-parteċipazzjoni prattika tal-parteċipanti u b’esperjenza diretta tal-ħajja politika. Fakkret fil-mira tal-Partit Laburista li jkollu 50% tal-kandidati nisa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, u kif dan il-programm għandu l-għan li jwitti t-triq biex dan jintlaħaq.
“Bħalma l-Partit Laburista kien il-Partit tal-bidla f’numru ta’ oqsma, jista’ jkun il-Partit tal-bidla f’dan il-qasam ukoll. L-ambizzjoni ma ddejjaqx lill-Partit Laburista, anzi ġġiegħlu jaħdem biex jikseb aktar”, saħqet Zammit Alamango.
Din kienet ir-raba’ sejħa u l-ħames grupp tal-programm LEAD, b’Miriam Dalli rrimarkat kif tul l-intervisti ħareġ ċar kemm dawn in-nisa għandhom ideat u sehem x’joffru lis-soċjetà hekk kif bħala parti mill-applikazzjoni jkunu mitluba jippreżentaw numru ta’ inizjattivi u minn hawn ħareġ kemm għandhom kontribut x’jagħtu lid-dinja politika.