Sunday, December 29, 2024

33 membru tal-ekwipaġġ jirbħu €585,000 lill-Air Malta

Aqra wkoll

Grupp ta’ 33 persuna li kienu jaħdmu jew li għadhom jaħdmu bħala membri tal-ekwipaġġ, rebħu €585,000 lill-Air Malta wara li kienu fetħu kawża quddiem it-Tribunal Industrijali.

Oriġinarjament, l-għadd ta’ membri kien ilaħħaq it-42 persuna li fetħu l-kawża, iżda mal-proċeduri disgħa minnhom għażlu li joħorġu mill-każ għax għażlu li jingħataw impjieg alternattiv.

Il-membri tal-ekwipaġġ involuti fil-każ kienu qalu li kif kien maħdum il-ftehim kollettiv li kien ġie ffirmat f’Diċembru tal-2017 kien jikser il-prinċipju ta’ “equal pay for equal work”. Fil-kawża tagħhom quddiem it-Tribunal Industrijali, il-ħaddiema tal-Air Malta kienu qalu li l-ftehim kollettiv il-ġdid kien ta vantaġġ lil dawk li ħadmu bejn l-2014 u l-2017, anke jekk dawk li ħadmu bejn l-2018 u l-2022 setgħu ħadmu aktar.

Fir-risposta tagħha, l-Air Malta kienet qalet li l-ftehim kollettiv kien ġie nnegozjat, maqbul b’approvazzjoni tal-ħaddiema u ffirmat mill-Union tal-Cabin Crew. Huma qalu li dan il-ftehim kollettiv kellu jiġi rrispettat u l-prinċipji tal-“equal pay for equal work” kien rispettat. Anke l-Union tal-Cabin Crew kienet ċaħdet li kienet iffirmat ftehim li kien ta’ preġudizzju għall-membri tagħha għax sostniet li dan kien approvat mill-membri kollha qabel ma ġie ffirmat.

It-Tribunal Industrijali, li kien imexxi miċ-Chairman Geoffrey Vella, qal li minn dak li ġie ppreżentat kien hemm ħaddiema li ma setgħux jaħdmu kemm xtaqu minħabba raġunijiet ta’ saħħa u anke kien hemm oħrajn li kienu fuq leave ta’ maternità.

Vella, f’isem it-Tribunal Industrijali, qal li l-mekkaniżmu korrettiv jiddiskrimina għax fis-snin indikati huma ħadmu anqas. Sostna li dawn ma setgħux jagħżlu l-aħħar sena ta’ paga u għalhekk ġiet regolata bil-mekkaniżmu korrettiv ta’ 50% take-home pay tal-impjegati medji full-time.

It-Tribunal, fis-sentenza tiegħu, qal li l-mod kif sar il-ftehim kollettiv ħoloq diskriminazzjoni bejn impjegati li huma fl-istess skali fil-paga, u anke bejn dawk li huma fi skali inqas. Dan għaliex minn dak ippreżentat ħareġ ċar li dawk li huma fi skali inqas kienu qegħdin jitħallsu aktar minn ħaddiema li huma fi skali aktar għoljin.

Ġie nnutat ukoll li fl-istess perjodu li ġie ffirmat il-ftehim kollettiv kienet faqqgħet il-pandemija u l-Air Malta bi ftehim mal-unjins kienu qablu li jaddottaw paga soċjali ta’ €1,200 fix-xahar lill-ħaddiema kollha.

Fuq dawn ir-raġunijiet u provi oħrajn imressqa, it-Tribunal innota li wħud minn dawk il-membri tal-ekwipaġġ li fetħu l-każ kienu fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Union tal-Cabin Crew u ħadu sehem fin-negozjati tal-ftehim li ġie approvat mill-maġġoranza tal-ħaddiema. Kien għalhekk li t-Tribunal naqqas il-kumpens b’20% minħabba dik li sejjaħ “negliġenza kontributorja”.

It-Tribunal fl-ebda mod ma żamm lill-Union tal-Cabin Crew responsabbli ta’ dak li ġara, iżda ordna lill-Air Malta biex jagħti kumpens ta’ €585,000 fi żmien 30 jum. Il-kumpens lill-ħaddiema jvarja minn €9,600 għal €35,000.

Ekonomija

Sport