Tuesday, February 18, 2025

332 każ quddiem l-OASI fl-2024  … 70% kienu jabbużaw mill-kokaina

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Matul l-2024, kien hemm 332 każ li rreferew u kkuntattjaw lill-Fondazzjoni OASI għall-għajnuna fid-diffikultajiet tagħhom ikkawżati mid-dipendenza. Minn dawn il-każi, il-Fondazzjoni ġiet f’kuntatt ma’ 70% li kienu qed jabbużaw mill-kokaina, li minnhom 14% kienu qed jużaw il-crack.

Dan iddikjarah il-Kap Eżekutiv tal-Fondazzjoni OASI, Noel Xerri, f’kummenti li ta lil dan is-sit, fejn spjega li 37% tal-persuni li kkuntattjawhom instab li kienu qed jabbużaw mill-alkoħol, 22% kienu qed jużaw il-kannabis u 13% kienu qed jużaw l-eroina.

Is-Sur Xerri żied jgħid li huwa komuni ħafna li jinstabu persuni li jużaw l-alkoħol u l-kokaina b’mod kontemporanju, fejn l-alkoħol jista’ jkun il-kawża ewlenija ta’ rikaduta. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-OASI spjega li l-Fondazzjoni tamministra wkoll diversi servizzi ta’ terapija professjonali għal dawk li huma f’riskju li jiżviluppaw vizzju kif ukoll għal dawk li qed isofru mill-konsegwenzi negattivi tal-vizzju. Ingħad li dawn is-servizzi jvarjaw minn servizzi bbażati fuq dawk residenzjali għal servizzi ta’ terapija offruti fuq livell komunitarju. 

Is-Sur Xerri tenna li matul l-2024, 63 persuna individwali għamlu użu mis-servizzi residenzjali tal-Fondazzjoni, filwaqt li 217-il persuna bbenifekaw minn terapija offruta fuq livell komunitarju. Dan flwaqt li ħafna minn dawk li bbenefikaw minn servizzi bbażati fil-komunità, komplew bil-ħajja normali tagħhom, inkluż impjieg bi qligħ waqt li kienu qed jirċievu terapija. 

Barra minn hekk, il-Fondazzjoni OASI wettqet 2,910 sigħat ta’ xogħol ta’ prevenzjoni matul l-2024. Fost affarijiet oħra, f’din l-istess sena l-OASI tellgħet il-konferenza annwali tagħha li ffukat fuq il-vizzju u l-familja. 

Il-CupRun u l-Fun Walk rat is-sehem ta’ aktar minn 250 persuna, filwaqt li t-tielet edizzjoni tal-Jump for Life li saret fid-29 ta’ Diċembru fix-Xlendi rat 26 persuna jaqbżu fl-ilma kiesaħ bil-ħsieb li jinkoraġixxu lil dawk li għandhom bżonn jagħmlu l-qabża meħtieġa għal ħajja aħjar. 

Is-Sur Xerri tenna jgħid li l-Fondazzjoni OASI twaqqfet bil-għan li joħloq kuxjenza biex tipprevjeni t-tixrid mifrux tal-vizzju, li tgħin lil dawk li huma f’riskju li jiżviluppaw xi vizzju u li joffru terapija u assistenza professjonali lil dawk illi qed ibatu mill-vizzju, inklużi membri tal-familja. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport