Sunday, November 24, 2024

34 kuntistabbli jilħqu surġenti tal-Pulizija

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana, 34 kuntistabbli ġew promossi fil-grad ta’ surġenti. Iċ-ċerimonja kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Dr Byron Camilleri, u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà.

Is-surġenti l-ġodda se jkunu stazzjonati f’diversi taqsimiet, fosthom fil-Gender Based & Domestic Violence Unit (GBDVU), l-FCID, Distretti, Border Control, fil-Laboratorju Forensiku, kif ukoll fis-Cyber Crime Unit.

Fil-messaġġ tiegħu lis-surġenti l-ġodda, il-Ministru Byron Camilleri qal li r-rank ta’ surġent huwa wieħed mill-iżjed importanti li jġib miegħu responsabilitajiet ġodda, inkluż ta’ tmexxija. Huwa qal lis-surġenti l-ġodda biex ma jibżgħux jieħdu d-deċiżjonijiet wara li jisimgħu lin-nies u li jkunu t-tarka tas-soċjetà.

Il-Ministru Camilleri semma wkoll li “bħala Gvern ser nibqgħu ninvestu fil-Pulizija. Mhux biss fit-taħriġ u fl-għodda li tużaw, iżda wkoll fil-kundizzjonijiet tagħkom, fosthom diskussjonijiet fuq ftehim kollettiv ġdid li ser itejjeb dak ta’ ftit snin ilu. Ukoll, ser inkunu qed inniedu dak li wegħedna fil-baġit għas-sena 2023 fir-rigward tal-pensjoni ta’ dawk li jagħżlu li joffru aktar minn 25 sena servizz”.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, qal li l-ħatra tal-lum hija pass importanti fil-karriera ta’ dawn is-surġenti l-ġodda. Huwa qal li l-Korp tal-Pulizija qiegħed jaħdem f’soċjetà li qiegħda tkompli tinbidel u għalhekk irridu nadattaw għal din il-bidla.

“Intom għandkom tkunu issa l-aġenti tal-bidla u għalhekk din hija opportunità li mil-lum ‘il quddiem tagħmlu l-bidla u tkunu mexxejja b’viżjoni u li timmotivaw lill-kollegi tagħkom. Il-kariga ta’ surġent iġġorr magħha responsabbilità u għalhekk ġibu lill-klijenti fiċ-ċentru tal-operat tagħkom u kunu kontabbli, ġusti, onesti, integri u ta’ servizz lejn il-poplu,” qal il-Kummissarju Gafà.

Qabel ma nħatru uffiċjalment, is-surġenti l-ġodda għamlu kors ta’ 12-il ġimgħa fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja, fejn fost is-suġġetti li ngħataw taħriġ kien hemm investigazzjonijiet ta’ inċidenti tat-traffiku; informazzjoni dwar il-liġijiet kriminali u proċeduri fil-Qorti; investigazzjonijiet fuq
xeni ta’ reati; kif ukoll tagħrif dwar l-ingaġġ mal-komunità; kif għandhom jgħinu lill-vittmi tal-kriminalità; informazzjoni fuq d-drittijiet fundamentali, u l-kodiċi tal-etika tal-Pulizija.

Sport