Saturday, December 21, 2024

35 kumpanija attirati lejn Malta bħala Investiment Dirett Barrani, 3 kumpaniji aktar meta mqabbel mas-sena li għaddiet

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza annwali ta’ EY ‘Future Realized’, il-Ministru għall Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri ħabbar li matul din is-sena, minkejja l pandemija COVID-19, il-Malta Enterprise attirat 35 kumpanija ġdida lejn Malta bħala Investiment  Dirett Barrani. 

“Riżultat inkoraġġanti tabilħaqq, li jfisser li l-Malta Enterprise diġà ġibdet aktar investiment dirett  barrani meta mqabbla mas-sena l-oħra, meta n-numru kien 32, jiġifieri tliet kumpaniji iżjed mis-sena  l-oħra. Il-kumpaniji ivarjaw minn kumpaniji ġodda fil-manifattura għal-logħob diġitali, intelliġenza  artifiċjali u blockchain. Bħala pajjiż, irridu nżommu dan ir-ritmu billi niżguraw li qed nipprovdu l 

ekosistema ideali għall-operaturi, kif ukoll inkunu spalla ma’ spalla ma’ negozji lokali u  internazzjonali li jsejħu lil Malta bħala darhom. Kumpaniji f’pajjiżna urew li ma kienux reżiljenti  biss, iżda wkoll urew ukoll adattabilità notevoli. Partikolarment l-industrija tal-manifattura tagħna,  fejn uħud saħansitra rnexxielhom ibiddlu l-produzzjoni tagħhom għal prodotti oħra biex jakkomodaw  għal domanda ġdida. Għandna stejjer ta’ suċċess, partikolarment fil-produzzjoni ta’ PPE u prodotti  oħrajn relatati mal-COVID, partikolarment fis-setturi tat-tessuti u l-plastik tagħna,” qal il-Ministru  Schembri. 

Matul is-sessjoni ta’ mistoqsijiet, il-Ministru Schembri tenna l-viżjoni ekonomika fit-tul ta’ Malta  bbażata fuq ħames pilastri ewlenin; tkabbir ekonomiku, edukazzjoni u impjiegi, infrastruttura u  investiment aħjar, sostenibbiltà u newtralità tal-karbonju sal-2050 u, fl-aħħar, governanza tajba, liġi  u ordni. 

“Budget ’21 huwa xhieda tal-aġilità ekonomika innovattiva ta’ Malta fl-adattament għal ċirkostanzi  ta’ sfida. Bis-saħħa ta’ dawn il-pedamenti sodi, bħala gvern aħna ressaqna quddiem il-poplu tagħna  baġit mingħajr taxxi, li jfittex li jinċentiva n-negozji tagħna u jissalvagwardja l-impjiegi. Estendejna  għal darb’oħra s-Suppliment tal-Paga sa Marzu ’21, fittixna li nistimulaw mill-ġdid l-ekonomija  domestika permezz ta’ inizjattiva oħra ta’ voucher tal-gvern ta’ €100, kif ukoll insaħħu skemi eżistenti  u nintroduċu oħrajn ġodda biex jgħinu lin-negozji jimplimentaw il-proġetti tagħhom,” spjega l 

Ministru Schembri. 

Il-Ministru Schembri qal li fl-isfond ta’ xenarju ta’ sfida, Malta fittxet li taħtaf l-opportunitajiet u  żżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha, li rriżultat fl-attrazzjoni ta’ investiment ġdid. Huwa żied jgħid li t-triq ’il quddiem hija li tgħin lin-negozji jimplimentaw il-proġetti tagħhom, tiggwidahom fil proċess tat-trasformazzjoni diġitali, kif ukoll tfittex modi biex ittejjeb u ssaħħaħ il-ħaddiema tagħna. 

“Minn meta ħabbarna l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, is-settur privat Malti wieġeb tajjeb ħafna.  Kellna erba’ xhur konsekuttivi li matulhom ir-rata tal-qgħad naqset, sal-punt li issa, għall-ewwel  darba fl-istorja tagħna, għandna l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona tal-ewro. Diġà rnexxielna ndaħħlu  aktar minn elf qiegħda f’impjieg. Għalija dan huwa sinjal ċar li l-irkupru ekonomiku tagħna qed jerġa’ 

jikseb il-momentum. Irridu nkomplu f’din it-triq, li fl-aħħar mill-aħħar twassal għal sostenibbiltà  ekonomika,” qal il-Ministru Schembri.

Ekonomija

Sport