Wednesday, March 27, 2024

36 każ ġdid ta’ COVID-19… ifiqu 52 persuna oħra

Aqra wkoll

Filwaqt li bdiet billi fakkret l-aħbar ħażina ta’ raġel pożittiv għall-COVID-19 li kien qed jiġi kkurat fl-isptar u li tilef ħajtu dalgħodu, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmain Gauci qalet li dan ir-raġel kellu diversi kundizzjonijiet mediċi oħra.

Intant, qalet li jekk inharsu lejn is-sitwazzjoni tal-lum naraw li kien hemm 36 każ ġdid u għalhekk it-total ta’ każi hu ta’ 1546. Minn dawn, il-każi attivi huma 682. Ħabbret ukoll li fiequ 52 persuna oħra.

Il-każi ġodda qalet li hemm erbgħa minnhom fl-infectious desease unit, tnejn f’wards f’Mater dei u tlieta fl-ITU li qed jiġu assistiti permezz tal ventilator. Madankollu, qalet li dawn qegħdin f’kundizzjoni stabbli.

Semmiet ukoll li hemm 17 fl-Isptar Boffa u 12-il persuna f’St Thomas.

Gauci qalet li din kienet xi ħaġa mistennija u li tgħallimna dwar dan il-virus li meta jkun qed jiġi kkontrollat u tibda tiftaħ hi mistennija li l-każi jiżdiedu.

Saħqet li l-aktar ħaġa importanti hi li nikkontrollaw din iż-żieda.

Il-Professur Gauci qalet li mill-1 ta’ Lulju kien hemm żieda fil-każijiet li baqgħu telgħin u issa qed naraw li f’dawn l-aħħar ġranet il-każijiet reġgħu naqsu.

Qalet li s-sitwazzjoni hi dinamika ħafna u għalhekk ma tkunx taf x’se jiġri l-għada. Spjegat li f’din l-aħħar ġimgħa, apparti każi sporadici kien hemm numru ta’ clusters, fosthom 58 minn Paceville u nightclubs. Semmiet ukoll li f’din l-aħħar ġimgħa kien hemm 18 li żdiedu ma’ dan il-cluster. Qalet li l-clusters l-oħrajn huma ta’ familji li importanti li jiġu kkontrollati. Semmiet li kien hemm ukoll clusters fuq postijiet tax-xogħol u clusters ġodda minn gatherings li ma jkunux biss tal-familja imma anke ħbieb.

Semmiet ukoll li l-cluster minn Monte Carmeli żdied bi 22 każ ieħor.

Charmaine Gauci qalet li importanti li nħarsu lejn l-etajiet tal-każi. Qalet li rridu nbegħdu dan il-virus minn dawk vulnerabbli.

Spjegat li l-maġġoranza tal-każi kienu dawk li għandhom bejn 15 u 44 sena.

F’aktar dettall, spjegat li matul din l-aħħar ġimgha, dik ix-xejra li jkun hemm spill over qed tiġri wkoll. Għalhekk qalet li hu importanti li nibqgħu nipproteġu lill-vulnerabbli

Saħqet li qed jiżdiedu l-każi ta’ dawk li huma fl-età avvanzata.

Matul din il-ġimgħa, l-età medja kienet ta’ 38 sena

Intant, il-Professur Gauci semmiet li qiegħda tiġi msaħħa l-istrateġija tal-ittestjar, fejn ilbieraħ saru ‘l fuq minn 3,000 test. Spjegat li dan sar ukoll billi qed iressqu dan l-ittestjar lejn in-nies permezz ta’ żewġ swabbing centres godda u l-laboratorju ta’ Mater Dei li qed iżid fil-kapaċità tiegħu wkoll.

Gauci qalet li f’sitwazzjoni fejn nafu li dan hu virus li ilu magħna tul ta’ xhur, dejjem irridu nikkontrollaw biex ma jkollniex numri kbar u ma jkunx hemm nies li jkollhom bżonn l-isptar.

Qalet li l-liġijiet li saru tul dawn l-aħħar ġimgħat jibqgħu fis-seħħ. Semmiet l-importanza ta’ social distancing.

Semmiet ukoll li importanti li f’attivitajiet ikun hemm limitu ta’ mitt persuna ġewwa u 300 barra, imma mhux f’postijiet pubbliċi.

Qalet ukoll li din il-ġimgħa żdiedu l-miżuri li fil-bars u l-clubs ma jistgħux joqogħdu bilwieqfa għax ikun hemm iktar ċans li l-persuni jkunu qrib xulxin.

Fakkret li mit-28 Awwissu ma jistgħux isiru stand up events.

Barra hekk, semmiet ukoll l-użu tal-maskri u qalet li issa dawn huma obbligatorji għax inkella hemm multa ta’ €50.

Semmiet ukoll kif mil-lum daħlet fis-seħħ il-lista oranġjo tal-pajjiżi li huma riskjużi u allura min ikun ġej minn hemm irid juri li għamel test qabel ma jasal. Spjegat li fl-ajruport jinsabu armati biex isiru t-testijiet.

Gauci appellat mill-ġdid għas-social distancing, iġjene ta’ idejn u anke l-użu tal-maskri. Saħqet li dawk il-persuni li jkollhom xi sintomi għandhom joqogħdu d-dar u jċemplu 111. Qalet li dawk li jkollhom is-sintomi qegħdin jingħataw appuntament fi żmien 48 siegħa.

Intant, il-Professur Gauci spjegat li l-persuna li tilef ħajtu kien qiegħed fil-komunità.

L-R Factor bħalissa qiegħed taħt it-2.

Ladarba jitla’ iktar minn 1, iridu jittieħdu l-miżuri kif qed jittieħdu bħalissa.

Intant, il-Professur Gauci qalet li qed naraw clusters fil-postijiet tax-xogħol. Qalet li bħala gwida, l-awtoritajiet qed jgħidu li postijiet fejn jistgħu jaħdmu bit-telework jistgħu jagħmlu dan. Min-naħa l-oħra qalet li f’postijiet fejn dan ma jistax isir, hemm ċerti miżuri li jistgħu jittieħdu bħal social distancing, maskri eċċ.

Gauci qalet li għandna vantaġġ li llum il-ġurnata nistgħu nużaw mezzi teknoloġiċi.

Rigward l-iskejjel, il-Professur qalet li l-prijorità hi li nagħtuhom edukazzjoni u għalhekk importanti li naraw li l-iskejjel ikunu qed jiftħu.

Il-Professur Gauci semmiet ukoll li qed toħroġ ħafna informazzjoni dwar numri u sorsi fejn setgħu kienu l-każi. Qalet li din hi xi ħaġa li m’ghandhiex issir.

Saħqet li l-informazzjoni li tingħata dejjem tkun waħda trasparenti min-naħa tal-awtoritajiet u jiddispjaċiha ħafna li toħroġ informazzjoni sensittiva anke tal-persuna mejta.

Appellat biex insegwu l-informazzjoni li toħroġ mill-awtoritajiet, għax dik hi korretta.

Rigward l-effett tar-restrizzjonijiet, Gauci qalet li rajna bidla fin-numru, fejn kien hemm nuqqas fin-numri. Madankollu, qalet li dawn ivarjaw ħafna.

Għalhekk hi saħqet fuq l-importanza li l-miżuri mdaħħla jiġu osservati b’responsabbiltà mill-pubbliku kollu.

Ekonomija

Sport