“L-irwol ta’ perit mhux biss professjoni, iżda vokazzjoni li jrid jara lil Malta ta’ għada isbaħ minn dik tal-lum”, kien il-messaġġ ewlieni tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia lis-36 perit ġdid li ngħataw il-warrant u saru uffiċjalment il-periti tal-futur ta’ pajjiżna u ta’ wliedna.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia aċċenna kif kull perit, permezz tal-Viżjoni Malta 2050, għandu rwol importanti fil-formazzjoni ta’ pajjiżna. “Viżjoni li ser twassalna biex nibnu lil pajjiżna fit-tul fuq numru ta’ pilastri bħall-Użu Intelliġenti tal-Art u l-Baħar u Tkabbir Ekonomiku Sostenibbli.”
Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Warrant tal-Periti, Dr Frank Psaila, irrimarka kif l-irwol tal-Bord kien li jagħrbel lil dawn il-periti ġodda, biex illum setgħu jaslu għal dan it-tragward importanti.
Huwa qal kif dawn is-36 perit ser ikomplu jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna. Il-President tal-Kamra tal-Periti l-Perit Andre Pizzuto saħaq kif il-professjoni ta’ perit illum kompliet tiġġedded b’iktar professjonisti li għandhom responsabbiltà li jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għas-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku inġenerali.
Matul iċ-ċerimonja kien irrimarkat li mill-2024 sal-lum, il-Bord tal-Warrant tal-Periti ċċertifika u ħareġ 115-il warrant ġdid lil periti ġodda.
Il-warrant tal-periti twaqqaf permezz tal-Architects Ordinance tal-1919. Sena wara, fl-1920, twaqqfet il-Kamra tal-Periti u l-ewwel warrants ħarġu mill-istess liġi.

