Grupp ta’ 38 immigrant, li fosthom kien hemm mara tqila, instabu maqbuda fuq gżira żgħira ħafna li lanqas biss għandha isem. Din il-gżira tinsab bejn it-Turkija u l-Greċja.
Il-grupp ta’ immigranti – li jikkonsisti fi 22 raġel, disa’ nisa u sebat itfal – qalu li ilhom maqbudin fuq din il-gżira żgħira minn nofs Lulju li għadda. Din il-gżira tinsab f’nofs ix-xmara Evros. Dawn l-immigranti instabu nhar it-Tnejn li għadda u ttieħdu immedjatament lejn il-Greċja. Il-Ministru tal-Immigrazzjoni Grieg qal li dawn il-persuni jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba ħafna u qal li l-mara tqila ttieħdet l-isptar bħala prekawzjoni. Sorsi minn gruppi li jitkellmu favur id-drittijiet umani qalu li tifel wieħed tilef ħajtu fuq din il-gżira, stqarrija li s’issa għadha ma ġietx ikkonfermata mill-pulizija Griega.
L-ewwel rapporti li l-awtoritajiet tat-Turkija u l-Greċja kienu rċevew dwar grupp ta’ immigranti qrib ix-xmara Evros ma kellhomx hemm indikazzjoni ċara ta’ fejn jinsabu eżatt u għalhekk qamet inċertezza dwar min kellu jintervjeni biex jgħin jekk hux il-Greċja jew inkella t-Turkija. Inizjalment il-Greċja qalet li dawn il-persuni – li kollha qalu li ġejjin mis-Sirja – kienu qegħdin f’territorju tat-Turkija, iżda wara tiftix li sar dawn l-immigranti nstabu u rriżulta li dawn kienu qegħdin fit-territorju tal-Greċja u għalhekk intervjeniet.
Baida, li hija waħda min-nisa f’dan il-grupp, iddeskriviet dak li għaddiet minnu u qalet li hija u sħaba ħassewhom qishom “nofs logħba futboll” bejn it-Turkija u l-Greċja. Fil-passat kien hemm numru ta’ inċidenti fejn immigranti qalu li ma tantx ġew trattati tajjeb mill-awtoritajiet Griegi hekk kif dawn kienu qed jipprovaw jidħlu fl-Ewropa mit-Turkija. Gruppi tad-drittijiet umani allegaw li matul is-snin kien hemm eluf ta’ persuni li ġew mibgħuta lura hekk kif waslu fil-Greċja u dan qabel kellhom ċans japplikaw għall-ażil. Dawn l-allegazzjonijiet kienu ħolqu diżgwid fi ħdan l-Unjoni Ewropea hekk kif għadd ta’ uffiċjali għolja kienu qalu li dan il-pajjiż qiegħed jikser id-drittijiet fundamentali Ewropej.
Min-naħa tiegħu l-Gvern Grieg dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u qal li huwa qiegħed jonora il-liġi internazzjonali u dik Ewropea.