B’kollox kien hemm 38 kunsilli lokali, f’Malta u kemm f’Għawdex, li ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom sabiex jikbsu fondi minn din l-iskema. Permezz ta’ investiment ta’ ftit aktar minn €2.6 miljuni, il-kunsilli lokali ser ikunu jistgħu jwettqu proġetti li jtejjbu u jsebbħu l-madwar tal-irħula.
L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li l-kunsilli lokali joħolqu aktar kundizzjonijiet ugwali u sostenibbli għar-residenti kollha permezz ta’ proġetti jew inizjattivi fil-lokalitajiet tagħhom. Waħda mill-funzjonijiet ewlenin li jgħaqqdu l-kunsilli lokali hija l-kisba u l-promozzjoni ta’ komunitajiet isbaħ u aktar b’saħħithom.
Eżempji ta’ proġetti li se jkunu ffinanzjati minn din l-iskema jinkludu proġetti fuq ħolqien ta’ aktar spazji miftuħa, proġetti li jżidu l-aċċessibilità u l-mobilità sostenibbli fil-lokalitajiet, kif ukoll servizzi u inizjattivi li jikkultivaw u jippromwovu l-inklużjoni, ambjent aktar nadif u sigur, u ambjent soċjali li fih ir-residenti jistgħu jgħixu ħajja aħjar.
Dan tħabbar waqt konferenza stampa, mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, fil-binja tal-Kunsill Lokali tal-Fgura. “Il-kunsilli lokali jafu l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom, għaldaqstant għat-tieni sena konsekuttiva l-Gvern Lokali qed ivara dan il-finanzjament sabiex il-kunsilli lokali jkunu f’pożizzjoni li jwettqu proġetti li jsebbħu u jtejbu l-lokalitajiet tagħhom għall-ġid tar-residenti,” spjegat is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Natalino Attard spjega kif din l-iskema ser tgħin lill-kunsilli lokali jwettqu proġetti li se jgawdu minnhom ir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet.
Il-viċi-sindku tal-Fgura Clayton Cascun Portelli spjega li permezz ta’ din l-iskema l-kunsill lokali tal-Fgura se jkun qed jagħmel xogħol ta’ tisbiħ fi spazju rikreattiv, jixtri tagħmir għal outdoor gym u jibni ġibjun għall-ħażna tal-ilma.
Preżenti għal konferenza kien hemm ukoll id-Direttur għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u s-sindki u s-segretarji eżekuttivi tal-kunsilli lokali li bbenefikaw minn din l-iskema.