Minn tal-inqas 39 persuna tilfu ħajjithom, inklużi tfal, wara li spiċċaw mgħaffġa f’inċident waqt attività politika fl-istat Indjan ta’ Tamil Nadu.
Is-Sibt li għadda, għexieren ta’ eluf ta’ persuni nġabru għal attività oħra tal-kampanja ta’ Vijay, fid-distrett ta’ Karur.
Il-midja lokali qalet li din l-attività kellha tittardja diversi sigħat. Ritratti li ġew imxandra fuq it-televiżjoni wrew persuni jintilfu minn sensihom fost il-folla preżenti.
Ministru f’Tamil Nadu M.K. Stalin qal lill-ġurnalisti li 39 persuna mietu u 51 persuna oħra qed jingħataw il-kura għall-ġrieħi li sofrew. Fost dawk li mietu kien hemm 17-il mara, 13-il raġel u disat itfal.
Ġie rrapportat ukoll li l-familjari tal-vittmi se jkunu qed jingħataw kumpens ta’ miljun rupees (€9,671).
Raġel li kellu membri tal-familja tiegħu preżenti għall-avveniment tkellem mal-aġenzija tal-aħbarijiet Indjana ANI minn barra l-isptar. Huwa qal: “Iż-żewġ ulied ta’ ħija kienu hemm. Żewġ subien. L-ikbar wieħed miet, iż-żgħir għadu nieqes. Il-qraba tiegħi, oħti tar-rispett, tinsab fl-ICU. X’nista’ nagħmel?”.
Permezz ta’ stqarrija oline, Vijay qal li kien jinsab imnikket b’dak li ġara u bagħat il-kondoljanzi lill-familjari tal-vittmi filwaqt li awgura fejqan ta’ malajr lil dawk li jinsabu rikoverati l-isptar.
Intant fuq il-pjattaforma X, il-Prim Ministru tal-Indja Narendra Modi ddeskriva l-inċident bħala wieħed “sfortunat” u li ġab miegħu “niket kbir”.
Traġedji bħal dawn mhumiex rari fl-Indja. Fil-fatt, din is-sena kien hemm diversi inċidenti simili fosthom waqt il-festival Hindu Kumbh Mela u ieħor barra stadium tal-cricket.