Wednesday, May 1, 2024

39 rekluta jingħaqdu mal-Korp tal-Pulizija

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret dalgħodu fil-Forti Sant’Iermu, 39 rekluta – 24 raġel u 15-il mara – ingħaqdu  mal-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli, wara li temmew il-Kors ta’ Taħriġ għar-Rekluti. 

It-taħriġ, li dam sitt xhur, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u kien jinkludi, kemm  taħriġ fiżiku, kif ukoll taħriġ akkademiku, li għall-ewwel darba huwa akkreditat mill Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla fl-Livell MQF4. 

Fost it-63 suġġett li ġew mgħallma, kien hemm dawk akkademiċi fosthom fuq id-drittijiet  fundamentali; l-etika; id-diversità; informazzjoni dwar il-liġijiet ta’ Malta; regoli u proċeduri; kif ukoll investigazzjonijiet ta’ reati bħal vjolenza domestika, abbuż tat-tfal, offiżi sesswali; u  għarfien fuq is-saħħa mentali.  

Il-kuntistabbli ġodda ngħataw ukoll taħriġ prattiku li kien jinkludi fost oħrajn l-użu tal-armi  tan-nar u l-użu tat-taser; proċeduri ta’ kontroll u trażżin; u kors fl-ewwel għajnuna. 

Fil-messaġġ tiegħu lir-rekluti l-ġodda, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar  tal-Liġi Byron Camilleri qal li meta wieħed isir pulizija, ma jkunx daħal għal xogħol bħall-oħrajn  imma għat-twettiq ta’ vokazzjoni.  

“L-irwol tagħkom huwa sejħa għal min irid jikkontribwixxi biex ngħixu f’soċjetà iktar sigura.  Madankollu, tistriħux għax issa lestejtu t-taħriġ tagħkom. Jeħtieġ li toħorġu għal ġurnata tax xogħol biex tagħmlu differenza,” qal il-Ministru. 

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà ħeġġeġ lill-kuntistabbli l-ġodda sabiex ikunu  kburin li mil-lum bdew jilbsu l-uniformi tal-Pulizija u jżommu ġo fihom sens ta’ dixxiplina u  responsabbilità. Qal li l-għan prinċipali huwa li l-pubbliku, u allura l-klijenti tal-Korp, iżid il fiduċja fil-puizija, tant li fl-aħħar sena, mhux biss kiseb aktar fiduċja min-nies, imma wkoll  saħħaħ il-ħidma fil-komunità u mal-komunità. 

“Intom se tkunu assenjati biex taħdmu mal-komunitajiet fi rwoli differenti, kemm fl-għases  madwar il-pajjiż kif ukoll biex inkomplu nkabbru t-timijiet tal-Pulizija għall-Komunità sabiex  b’hekk issa se nkunu qegħdin inkopru 29 lokalità f’Malta, u Għawdex kollu. L-istrateġija tal Korp f’dan ir-rigward hija li nkomplu nsaħħu dawn it-timijiet biex sal-aħħar tal-2023 inkunu  koprejna l-pajjiż kollu.” 

Il-Kummissarju semma ukoll kif dawn il-pulizija ġodda deħlin fi żmien li l-Korp tal-Pulizija  kompla jsaħħaħ il-prinċipji tal-governanza tajba, bl-aħħar miżura tkun l-introduzzjoni ta’  policy li tirregola t-testijiet tad-droga u x-xorb alkoħoliku. 

Matul iċ-ċerimonja saret ukoll il-preżentazzjoni tal-premijiet, tal-aħjar żewġ rekluti fis-suġġetti  akkademiċi. Fl-ewwel post spiċċat Abigail Sciberras u fit-tieni post Raisa Micallef; kif ukoll fis suġġetti prattiċi, fejn fl-ewwel post ġie Larson Cassar Jeffries fit-tieni post ġie Calvin Sammut. 

Il-premju tar-rekluta li l-aktar li ddistingwiet ruħha matul il-kors (il-Mark Farrugia Shield),  ingħata lil Abigail Sciberras.  

Sport