Kien bħal-lum 39 sena ilu li seħħ l-attentat ta’ qtil fuq il-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Pjazza tal-Vatikan.
Il-Papa kien intlaqat minn tir ta’ pistola li kienet qiegħda tinġarr minn Mehmet Ali Ağca waqt li l-papa kien dieħel fil-pjazza. Il-Papa kien intlaqat minn erba’ tiri u tilef ħafna demm. L-aggressur kien inqabad minnufih u aktar tard ingħata sentenza ta’ għomru l-ħabs.
Aktar tard fiż-żmien, il-Papa kien ħafer lill-aggressur tiegħu, li mbagħad kien ingħata l-maħfra mill-President Taljan Carlo Azeglio Ciampi fuq talba tal-Papa nnifsu. Ağca kien ġie deportat lejn it-Turkija f’Ġunju tas-sena 2000.
Is-sit fejn seħħ dan l-attakk għadu mmarkat b’tabella tal-irħam u l-karozza li kien fuqha l-Papa għadha tinżamm fil-mużewijiet tal-Vatikan.