Malta għandha bżonn 4.7 miljun turist biex tilħaq il-mira ta’ 80% tal-okkupanza tal-kmamar tas-sodod fil-lukandi. Dan ħareġ minn studju ppreżentat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti rigward it-Turiżmu (MHRA) fil-gżejjer Maltin kkumissjonat minn Deloitte.
Mill-istudju ħareġ li biex tintlaħaq din il-mira dawn l-ammont ta’ turisti jeħtieġ li jagħmlu madwar sebat iljieli kull wieħed.
Sab ukoll li ż-żieda mistennija fis-sodod flimkien ma mpatti oħra relatati mal-ivjaġġar bl-ajru jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-okkupanza u sussegwentament fil-profitt inġenerali. Dan jista’ jkun ta’ theddida fuq l-istabbiltà finanzjarja u ekonomika ta’ pajjiżna meta jittieħdu f’konsiderazzjoni sfidi oħra li l-impatti tagħhom huwa mifruxin fuq is-swieq ewropej.
Barra minn hekk, l-istudju qajjem tħassib dwar kemm Malta kapaċi tkopri t-tkabbir fit-turiżmu meħtieġ biex jiflaħ għall-ammont ta’ proġetti u żviluppi approvati fis-settur. Ġie nnutat li biex jintlaħqu r-rati ta’ okkupanza tal-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija, hemm bżonn li t-turisti jiżdiedu b’aktar minn 80% fil-ħames snin li ġejjin.
F’kummenti li għadda l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo wara li ġie ppubblikat dan l-istudju qal li din hija industrija fejn wieħed ma jiqafx jaħseb fuq l-opportunitajiet, kif ukoll l-isfidi li jistgħu jitfaċċaw ’il quddiem. Huwa qal li b’xorti tajba, pajjiżna għandu msieħba soċjali bħalma hija l-MHRA li kontinwament tqajjem dibattitu fuq it-turiżmu li jinkludi l-istakeholders involuti u anke l-komunità biex titjieb is-sitwazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat saħaq li dan l-istudju sar f’waqtu fejn jeħtieġ li ssir diskussjoni biex ikun issalvagwardjat il-futur ta’ dan is-settur li huwa tant importanti għall-ekonomija tal-pajjiż.
“Irridu niżguraw li l-industrija tibqa’ sostenibbli kemm bħalissa kif ukoll għaż-żmien li ġej. Dan l-istudju jindika b’mod ċar fejn hemm bżonn li jiġu indirizzati ċertu sitwazzjonijiet li jirrikjedu azzjoni li jeħtieġ li tittieħed min-naħa tal-gvern”, temm Agius Muscat.
L-istudju kien kofinanzjat mill-fond soċjali Ewropew Operational Programme II – Investing in human capital to create more
opportunities and promote the wellbeing of society – 2014-2020.