Hekk kif issa l-gwerra fl-Ukrajna daħlet fis-seba’ ġimgħa tagħha, il-UNICEF qalet li kważi tliet kwarti tat-tfal kollha tal-Ukrajna kellhom jitilqu minn djarhom.
Manuel Fontaine minn UNICEF qal li din hija xi ħaġa li qatt ma ra bħalha kemm ilu jaħdem fil-qasam umanitarju u dan hekk kif kien hemm 4.8 miljun tifel u tifla Ukreni – minn total ta’ 7.5 miljun – li spiċċaw kellhom iħallu djarhom f’perjodu ta’ sitt ġimgħat biss. Fontaine qal li 2.8 miljun tifel u tifla telqu minn djarhom iżda għadhom ġewwa l-Ukrajna filwaqt li 2 miljuni ħarġu mill-pajjiż.
In-Nazzjonijiet Uniti vverifikat li kien hemm 142 tifel u tifla li mietu fil-kunflitt li beda mill-24 ta’ Frar, iżda probabbilment dan in-numru huwa ferm ikbar minn hekk.