Monday, September 29, 2025

4 irġiel mhux ħatja b’atti sesswali fosthom stupru ta’ tifla għax il-ġenituri rtiraw ir-rapport

Aqra wkoll

Mark Lorry Said ngħata 50 siegħa xogħol fil-komunità għax instab ħati li offenda l-morali f’post pubbliku. Iżda hu flimkien ma’ Josef Said, Peter Paul Said u Peter Paul Debono, ma nstabux ħatja għal offiżi ta’ natura sesswali, fosthom uħud bi stupru ta’ minorenni.

Il-każ kien seħħ bejn l-2007 u l-2008 meta tifla ta’ 15-il sena kienet allegat li sfat stuprata.

Wara investigazzjoni li kienet saret, il-Pulizija kienet ressqu erbat irġiel fil-Qorti ta’ Għawdex.  Josef Said u Peter Paul Said ġew mixlija li stupraw minorenni u żammewha kontra r-rieda tagħha. Huma ġew akkużati wkoll li kisru l-kundizzjonijiet ta’ sentenza preċedenti tal-qorti. Peter Paul Debono u Mark Lorry Said ġew akkużati li kkorrompew minorenni u pparteċipaw f’atti sesswali ma’ minorenni.

Il-Maġistrat Brigitte Sultana fis-sentenza tagħha qalet li qieset li l-ġenituri tat-tifla kienu rtiraw il-kwerela. 

Kien fl-14 ta’ Settembru tal-2008 meta l-ġenituri tal-allegat vittma kienu marru jitolbu lill-pulizija biex jieħdu passi kontra minn abbuża minn binthom, iżda ġara li l-għada l-istess ġenituri kienu ffirmaw dikjarazzjoni u talbu lill-pulizija biex iwaqqfu l-proċeduri.

Ġara li, imbagħad, il-ġenituri reġgħu talbu lill-pulizija tkompli bil-proċeduri iżda fl-2017 reġgħet saret rinunzja mill-ġenituri. Din ir-rinunzja ġiet imtennija mill-allegata vittma infisha fl-2020.

Il-Qorti meta qieset kollox, rat li għajr għal żewġ okkażjonijiet kollox seħħ f’postijiet mhux pubbliċi.  Kien hemm biss żewġ allegati reati li seħħew f’post pubbliku: wieħed quddiem id-dar fin-Nadur u l-ieħor fuq it-taraġ ta’ ħdejn is-Santwarju ta’ Pinu.

Il-Maġistrat Sultana kitbet fis-sentenza tagħha l-każi li ma seħħewx f’postijiet pubbliċi wieħed ma jistax jgħid li twettaq xi reat kontra l-ordni pubblika. Qalet li dan ifisser li biex il-pulizija tipproċedi kontra l-akkużati għal dawk ir-reati li twettqu f’dawk il-postijiet klassifikati mhux pubbliċi jew esposti għall-pubbliku, kienet teħtieġ il-kwerela tal-parti offiża. Għar-reati li seħħew fuq il-bankina quddiem id-dar fin-Nadur u fuq it-tarġa ta’ ħdejn is-Santwarju ta’ Pinu, ma kienx jeħtieġ il-kwerela u l-pulizija setgħet tmexxi.

Għaldaqstant, meta ġiet biex tevalwa kull akkuża fil-konfront ta’ kull akkużat, il-Qorti rat li, dwar Peter Paul Said, Josef Said u Peter Paul Debono, l-akkużi kienu estinti u għalhekk ġew illiberati.

Dwar, Mark Lorry Said, il-Qorti, innotat kif mix-xhieda tagħha, it-tifla ma semmietx li kien hemm xi attività sesswali. Anke, dwaru, il-Qorti rat li l-akkuża tiegħu hija estinta għajr għar-reat kontra l-artiklu 209 tal-liġi ta’ Malta. Dan l-artiklu huwa dwar għemil f’post pubbliku. Għalhekk, wara li sabitu ħati għal dan ir-reat biss hija tagħtu 50 siegħa xogħol fil-komunità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport