L-aħwa Adrian Aguis ta’ 46 sena u Robert Agius ta’ 41 sena, it-Tnejn minn Ħaż Żebbuġ, Jamie Vella ta’ 41 sena mill-Mosta u George Degiorgio ta’ 62 sena bdew għaddejjin ġuri quddiem l-Imħallef Edwina Grima b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.
Din hi l-ewwel darba fl-istorja li fl-istess ġuri l-akkużati qegħdin jidhru quddiem l-istess ġurija li ser tiġġudikahom fuq żewġ omiċidji.
Huma jinsabu mixlija b’seba’ kapi ta’ akkuża fosthom, bl-omiċidju volontarju tall-Avukat Carmel Chircop u bl-omiċidju volontarju jew kompliċita’ fl-isplużjoni li kkaġunat il-mewt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Robert Aguis, Jamie Vella u George Degiorgio jinsab mixlija wkoll li fil-pussess tagħhom kellhom splussiv kontra l-liġi jew armi tan-nar.
Fl-2021, waqt investigazzjonijiet tal-Pulizija, Vincent Muscat, magħruf bħala “Il-Koħħu”, li kien ukoll wieħed mill-persuni nvoluti fil-qtil tal-avukat Carmel Chircop, iddeċieda li jħalli stqarrija quddiem il-Maġistrat Inkwerenti. Huwa xehed kif kien twettaq ir-reat u kixef min kienu il-persuni li qatlu lill-avukat Chircop. Muscat kien ġie kkundannat 15-il sena ħabs fuq iż-żewġ omiċidji wara li qal, li l-qtil tal-Avukat Chircop kien ikkummissjonat mill-aħwa Adrian Agius u Robert Agius, bl-għajnuna ta’ George Degiorgio, magħruf bħala “Iċ-Ċiniż” u Jamie Vella, li flimkien ma’ Muscat bdew jippjanaw kif se joqtlu lill-Avukat, u li saħansitra kienu jagħmlu sigħat sħaħ isegwu l-passi tiegħu bil-moħbi.
Il-ġuri mistenni jieħu madwar xahrejn biex jintemm fejn hemm madwar 280 xhud li huma mħarrka biex jixhdu. Ix-xhud ewlieni f’dan il-każ huwa Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu.
L-Avukat Ġenerali qed titlob li f’każ li l-erba’ akkużati jinsabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom, jiġu kkundannati l-għomor il-ħabs.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa minn l-Avukati Godwin Cini u Anthony Vella. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qegħdin jidhru għal Jamie Vella. L-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin qegħdin jidhru għal Robert Agius. L-avukat Nicholas Mifsud qed jidher għal Adrian Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cushieri qegħdin jidhru għal George Degiorgio.
Għal Parte Civili se jidhru l-avukati huma Vince Galea, Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia