Amo Frank Kwaku ta’ 29 sena ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta li x-xahar li għadda wettaq serqa minn ħanut f’Santa Venera.
L-imputat bħalissa qiegħed jistenna biex jgħaddi ġuri dwar omiċidju. Huwa kien fuq ħelsien mill-arrest b’rabta mal-omiċidju ta’ Kwabena Kyere ta’ 23 sena, li seħħ waqt argument fil-Marsa, nhar l-10 ta’ Ġunju, 2021.
Ir-raġel mill-Ghana, iżda għandu karta tal-identità Taljana, ammetta quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li nhar id-29 ta’ Novembru seraq minn ħanut, li żamm ħaddiema kontra l-volontà tagħha, weġġagħha ħafif, kellu sikkina fuqu u kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ħadet f’kunsiderazzjoni s-serjetà u l-gravità tar-reat u li għamel dan waqt li kien għaddej proċeduri fil-Qorti għal reat aktar gravi.
Kien għalhekk li l-Qorti kkundannat lil Kwaku, erba’ snin ħabs u mmultatu €116.47. Huwa tilef id-depożitu ta’ €23,500 u l-garanzija personali ta’ €12,500. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-ħaddiema tal-ħanut.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Keith Rizzo u Ian Vella flimkien mal-Avukat Miryea Mifsud mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-avukat tal-għajnuna legali Martina Herrera dehret għall-akkużat.

