Il-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza, saret avveniment annwali fil-kalendarju sportiv, kif ukoll dak tal-ġbir ta’ fondi. Staqsejna lil Fr Martin Micallef dwar kemm ilha ssir din il-maratona, għaliex issir?
Fr Martin spjegalna li din hi l-15-il edizzjoni ta’ din il-maratona. Kienet bdiet ħafna snin ilu mill-Moviment Kerygma u waqfet issir fl-2004. Meta jien sirt direttur tad-Dar tal-Porvidenza erġajt bdejtha f’Lulju tal-2009. Ma saritx biss fis-sena 2020 u l-2021 minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
Huwa qali li din il-maratona bħal dik tal-ewwel tas-sena, issir biex id-Dar tal-Providenza, tiġbor il-fondi meħtieġa biex tkun tista’ tkompli toffri servizzi residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità li jgħixu fid-djar tagħha. Qal ukoll li din is-sena meta d-Dar qed tiċċelebra s-60 sena mit-twaqqif tagħha, tinsab filproċess li tiftaħ tlett idjar żgħar oħra fil-komunità.
X’hemm imħejji għal din l-edizzjoni?
Il-15-il edizzjoni tal-BOV Volleyball Marathon se tkun inawgurata mill-E.T. Dr Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Lulju fis-6.30 p.m. u tibqa’ sejra sa nofsillejl tal-Ħadd 20 ta’ Lulju 2025. Wara d-diskorsi tal-okkażjoni, mat-tisfira tas-suffara jingħata bidu għal din il-maratona. Erbgħin player, magħżula wara sitt ġimgħat ta’ taħriġ, se jkunu qed jinqasmu f’ħames timijiet li se jkunu qed jidħlu għall-isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob volleyball bla waqfien mhux, għal xi gwadann personali imma biex jagħtu xi ħaġa lil ħaddieħor.
Il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd filgħaxija, bejn id-9 ta’ filgħaxija u nofsillejl, se jkun hemm numru sabiħ ta’ kantanti u bands lokali li se jkunu qed idoqqu u jkantaw fuq il-palk li se jittella’ apposta fil-parkeġġ tad-Dar. Il-Ġimgħa se jdoqqu Zone 5, is-Sibt, Kantera u l-Ħadd Spiteri Lucas Band.
Waqt il-maratona barra li se jkun hemm ukoll logħob għat-tfal se jkun hemm stands tal-ikel ta’ brands rinomati li se joffru għażla tajba ta’ ikel għall-gosti ta’ kulħadd.
X’hemm speċjali din is-sena waqt il-maratona?
Kif taf din is-sena l-Knisja Kattolika qed tiċċelebra l-Ġublew tat-Tama u għaldaqstant waqt l-edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball, l-Arċidjoċesi ta’ Malta se tkun qed tiċċelebra l-Ġublew tal-Isportivi billi fost oħrajn, nhar il-Ħadd 20 ta’ Lulju se tkun qed torganizza fun run li tibda fit-8.00 a.m. minn ħdejn il-kappella ta’ San Niklaw fis-Siġġiewi u tispiċċa fil-carpark tad-Dar tal-Providenza fejn kull min ikun ħa sehem se jingħata midalja kommemorattiva u wara jkun mistieden għal quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar fid-9.30 a.m.
X’inhu l-appell tiegħek għal din il-maratona?
Inħeġġeġ lill-pubbliku biex nhar il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd jiġi d-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi ħalli nissapportjaw lill-players li għalihom il-preżenza tagħna tkun ta’ inkoraġġiment kbir. Barra minn dawn wieħed ikun jista’ jħalli d-donazzjoni tiegħu mal-voluntiera tagħna li se jkunu qed jiġbru d-donazzjonijiet. Dawk li ma jkunux jistgħu jattendu jistgħu jsegwu l-maratona li se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonjiet ewlenin tat-televixin, kif ukoll fuq il-media soċjali.
Kif jista’ jgħin il-pubbliku?
Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in-numri li qed nagħtu aktar ’l isfel, juża l-BOV Mobile Banking jew il-PayPal jew jagħti donazzjoni online filkontijiet bankarji tad-Dar. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit: www.sabihlitaghti.org
€15 5170 2012
€25 5180 2013
€50 5190 2070
€100 5130 2044
Pledge Line: 2146 3686
BOV Mobile 7932 4834