Sunday, November 23, 2025

40 sena mill-ħtif ta’ l-Egypt Air… “Il-Commandos ma segwewx mal-ftehim”

…il-kaptan kien iddikjara li “ebda triq oħra għajr dik li twettqet”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kien xi tminn snin ilu metą fl-uffiċċju tat-TORĊA kelli diskursata ma’ Karmenu Mifsud Bonniċi. Kien ġie jkellimni fuq xi anniversarju partikolari. Il-kliem kien waqa’ fuq il-ħtif ta’ l-ajruplan tal-linja tal-ajru tal-Eġittu li kien ħalla 60 persuna bla ħajja minn 98 passiġġieri li kien hemm abbord.  Meta ssemmilu din il-ġrajja it-tbissima ta’ wiċċu tgħib. Jitkellem b’dieqa b’dak li ġara. Konversazzjoni li turik kemm affettwatu din il-ġrajja, li seħħet waqt li hu kien Prim Ministru. 

Kien spjegali li l-ħsieb tiegħu kien li jsalva kemm jista’  passiġġieri. Jispjega ukoll li minn dak li kien qed jasal kien jidher li l-pirati kienu jaslu għax anke meta niżel hawn kien hemm diġa persuni feruti, għalkemm l-informazzjoni kienet li dawn kienu mejtin.  Jgħidli li t-talba kienet li jingħata l-fjuwil, bir-riskju li jkun interċettat u bil-pirati kienu ddikjaraw li lesti jisploduh fl-ajru u ma jsalva ħadd.

Niftakru jgħidli li ma riedx li tingħata l-impressjoni ta’ dgħjufija minħabba theddid jew kefrija mill-istess pirati. Kien spjegali li ħajjiet innoċenti m’għandhomx jispiċċaw il-ħaruf tas-saġrifiċċju fi kwistjonijiet li huma m’għandhomx x’jaqsmu magħhom. Kien stqarr b’dieqa li l-Commandos ma wettqux il-pjan kif kien miftiehem, li l-ħsieb warajh kien li jsalvaw kemm jista’ jkun passiġġieri. 

L-argumenti dwar l-attakk mill-Commandos iqajjem ħafna argumenti. Kellhom jattakkaw miż-żona tal-Cargo? Kellhom jintużaw daqstant splussivi? Għaliex twettqet qabel il-ħin li kien miftieħem? Il-Commandos Eġizzjani x’kien il-ħsieb ewlieni tagħhom li jtemmu din id-drama jew li verament isalvaw kemm jistgħu passiġġieri? L-argumenti, l-ispekulazzjonijiet u l-kontroversji huma diversi. 

Dwar dan il-ħtif kien tkellem b’mod ċar ħafna f’konferenza stampa il-kaptan tal-ajruplan, li kien il-ħin kollu mhedded b’pistola u li anke kien żerżaq dettalji minn taħt lill-awtoritajiet Maltin.

Fi kliem il-kaptan, “ma kien hemm ebda triq oħra li biha setgħu jiġu salvati l-passiġġiieri għajr l-operazzjoni li twettqet. Il-pirati tal-ajru kienu determinati li ma jċedux. Ma kien hemm ebda ċans neħilsuha kieku tlaqna minn Malta u konna niu interċettati minn xi ajruplan tal-gwerra.  Il-pirati tal-ajru kienu determinati li f’każ bħal dak ta’ Sigonella jisplodu l-ajruplan fl-ajru. Żgur li ma kien isalva ħadd. L-operazzjoni li twettqet, għalkemm sfortunatamemt kien hemm daqstant imwiet, seħħet biex ġew salvati għadd ta’ passiġġieri.

Hani Galal, il-kaptan Eġizzjan tal-ajruplan li kien iċ-ċentru tad-drama imdemmija,  li kellu  39 sena,   kien ilu jtajjar l-ajruplani għal madwar 15-il sena.  Kien iddikjara li minkejja dak li għadda minnu kien se jkompli jaħdem bħala pilota.

Il-kaptan Eġizzjan, b’rasu infaxxata minħabba l-ferità ħafifa li saret b’tir ta’ revolver,  f’konferenza stampa kien qal li t-titjira minn Ateni telqet fid-9.00 ta’ filgħaxija u kellha bħala destinazzjoni l-Kajr fl-Eġittu. Kien iddikjara li “xi għaxar minuti wara li tlaqna mill-ajruport ta’ Ateni, infetaħ il-bieb tal-cockpit b’sabta. Dawwart wiċċi u nsib fuqi raġel li minnufih qalli li l-ajruplan kien maħtuf.  Kellu f’idejh ‘hand grenade’, bis-safety pin tagħha kważi maqlugħ”

“Beda jgħajjat u jordnali biex nibdel ir-rotta tat-tijira u minflok lejn il-Kajr intiru lejn Malta. Ippruvajt nikkalmah kemm stajt. Kellu ukoll revolver ‘six shooter’. Wegħdtu li nikkopera miegħu basta ma jweġġa’ lil ħadd, la mill-ekwipaġġ u lanqas mill-passiġġieri. Għedtlu li ma kellix provvista adekwata ta’ fjuwil biex twassalna Malta. Iżda hu insista li nibqgħu intiru lejn Malta. Infurmajna lill-awtoriajiet ta’ l-ajru Griegi b’dak li kien ġara. Il-pirata ta’ l-ajru li f’idejh kienet din il-biċċa xogħol terroristika kellu stqarrija bl-Għarbi li riedni naqlibha għall-Ingliż.”

Ikompli jgħid li “dak il-ħin konna qegħdin intiru f’għoli ta’ 35.000 pied. F’daqqa waħda smajt tir ta’ pistola ġejjin minn ġo l-ajruplan. F’dan l-isparar sirt naf li uffiċjal tas-sigurtà tagħna kien safa ferut u wieħed mill-pirati tal-ajru safa maqtul. Bħala riżultat ta’ l-isparar tlift mill-pressjoni ta’ l-ajru u kelli nniżżel l-ajruplan f’għoli ta’ 14,000 pied. Sadanittant konna qrobna lejn Malta, L-awtoritajiet Maltin infurmawni li l-ajruport kien magħluq. Spjegajtilhom fuq l-ajruplan u l-kwistjoni tal-fjuwil u anke li kelli nies mejtin u feruti. Meta raw hekk l-awtoritajiet Maltin iddeċidew li jħalluni ninżel u anke għenuni ħafna permzz tar-radar peress li jien lanqas kelli l-‘approach plans’ ta’ l-ajruport Malti.” 

Heddidni

Il-kaptan kien kompla jgħid li “l-pirata ta’ l-ajru,  li kien kontinwament ħdejja b’ħhand grenade f’idu u b’revolver ippuntat m’għonqi qalli li ried li l-ajruplan jittieħed fpost imwarrab ta’ l-ajruport u heddidni l-ħin kollu li jekk issir xi mossa kuntrarja kien joqtolni mill-ewwel.  Il-pirati m’għamlu ebda talba speċifika. Riedu li jingħataw il-fjuwil u s’issa stess għandi ma nafx liema destinazzjoni kellhom f’moħħhom li jmorru.  Fl-ebda ħin ma qaluli fejn riedu jmorru jew x’kienet ir-raġuni għall-ħtif ta l-ajruplan.” 

Il-kaptan żied jgħid  lill-ġurnalisti li l-pirata li kien kontinwament miegħu kien jitkellem bl-Ingliz għalkemm mhux Ingliż tajjeb.  Hu qal li l-messaġġi lit-torri tal-kontroll kien qiegħed jgħaddihom hu bl-Ingliż u kultant ben kelma u oħra beda jżellaq xi kelma biex biha jinforma lill-awtoritajiet Maltin bil-pożizzjoni tal-pirati.”

Enfasizza li l-pirati kien kontinwament jinsisti li l-ajruplan jingħata l-fjuwil. Ninsab grat ħafna lejn il-Prim Ministru Malti li ma laqax din it-talba. Kont ċert li dan il-ħtif ma kienx se jintemm bħal kull ħtif ieħor li kien sar qabel. Mill-ewwel ħadt l-impressjoni li l-pirati ta’ l-ajru li kellna fuq l-ajruplan, kienu qattiela professjonali li jaslu. Dehru deċiżi mill-bidu li mhumiex nies li tista’ tikkonvincihom iċedu forsi minħabba l-fatt li kien hemm diġa wieħed minnhom maqtul. Jien qbilt mill-ewwel li fjuwil ma jingħatax. Tant ma ridtx li ntajjar l-ajruplan minn Malta li kkawżajt diffikultajiet tekniċi biex anke jekk l-awtoritajiet Maltin ibiddlu d-deċiżjoni tagħhom. L-ajruplan xorta ma kienx ikun f’pożizzjoni li jtir.” 

Krudil

Hawnhekk il-kaptan Eġizzjan għadda biex jiddeskrivi b’liema mód krudil  kiesaħ u bieret il-pirati  bdew jisparaw fuq il-passiġġieri.  “Il-pirata tal-ajru li kien fil-cockpit beda jhedded li se se jibda joqtol passiġġier kull kwarta. Ġabru l-passaporti tal-passiġġieri kollha u minnhom saru jafu n-nazzjonalità ta’ kull wieħed minnhom.  Qal li l-ewwel passiġġieri li kienu se jinqatlu kienu l-Iżraeliti u mbagħad l-Amerikani. Eżatt kwarta wara l-pirata ta’ l-ajru, bi tbissima fuq fxufftejh, spara għall-ewwel mara Iżraelita. Sparalha f’wiċċha minn distanza ravviċinata għall-aħħar.  Malli sparalha waddabha l’barra mill-ajruplan. Komplejna ninnegozjaw għal ħin piuttost twil. Il-pirata tal-ajru beda jsemmi l-kawża Għarbija u dik Palestinjana. Jien bqajt nipprova nikkonvinċieh li dak li kien qiegħed jagħmel kien kollu għalxejn. Tlabtu bil-ħniena biex almenu, qabel ikomplu bit-talbiet tiegħu, kellu jeħles lit-tfal u lin-nisa li kien hemm fuq l-ajruplan. Ħadt ir-ruħ x’ħin aċċetta li jitlaq lil xi ħadd, iżda qalli  li kien lest jeħles biss lin-nisa Eġizzjani u lin-nisa Filippini. Bl-ebda mod ma ried jitlaq lit-tfal, li sa fejn naf jien kienu tmienja u kienu għadhom żgħar ħafna.”

“Sadanittant  kienet għaddiet kwarta oħra. Il-pirata tal-ajru qalli li kienu għadu kemm għalaq il-ħin li fih kellu joqtol lit-tieni passiġġier. Filfatt reġa’ spara għat-tieni mara Iżraelita”, qal il-kaptan. 

Il-kaptan Eġizzjan kompla r-rakkont tiegħu billi ddeskriva kif il-pirati ta’ l-ajru bdew jitrattaw  mal-passiġġieri, juruhom il-hand grenades, jippuntawlhom ir-revolvers ma’ rashom u jgħidulhom kif kien ippjanat li jsir il-qtil tagħhom, wieħed wara l-ieħor. 

“Malli għaddiet kwarta oħra deher li l-pirata kien se ijspara għat-tielet passiġġier. Iżda ma sparax u għadda ftit tal-ħin sewwa qabel sparaw għat-tielet passiġġier.  F’xi ħin il-pirati ta’ l-ajru indunaw li kien hemm xi moviment barra l-ajruplan u ġiegħlni nistaqsi lit-Torri tal-Kontroll x’kien qiegħed jiġri fuq il-mitjar.  It-Torri tal-Kontroll wieġeb li dawk kienu vetturi militari li kienu qegħdin fil-qrib biex l-ajruplan jiġi protett minn xi attakk. Qal ukoll li fl-ajru  kien hemm ajruplan li ma riedx jagħti l-identifikazzjoni tiegħu.”

Irtirata

“Il-pirata ta’ l-ajru li kien miegħi l-ħin kollu  qalli biex ngħid lill-qawwiet tal-forzi armati li kien hemm biex jirtiraw. Minn naħa ta’ l-awtoritajiet Maltin dawn wieġbu li dik kienet xi ħaġa interna. Il-pirata tal-ajru qalli li kien wasal il-ħin li jispara għat-tielet passiġġier. Filfatt hekk għamel u baqa’ sejjer hekk sakemm kien spara għal sitta.  Bdejt nassumi li kull tir kien qiegħed ifisser mewt, peress li beda jisparalhom mill-viċin ħafna”.

Hu żied jgħid li għalkemm kien konvint li l-pirati ta’ l-ajru kienu jidhru li jaslu biex joqtlu b’dak il-mod, ma stenniex daqshekk. Ma kontx nistenna li huma daqshekk għatxana għad-demm, filwaqt  li qabel jispara għall-passiġġieri joqgħod iżeblaħhom.”

Il-kaptan kompla jgħid li “wara li sparaw għat-tielet passiġġier, donnı bdejt inħoss li aħjar nitlaq li nitlaq minn Malta, almenu ma jibqax isir qtil ta’ nies hekk kiesaħ u biered.  Kienet xena tal-biki. Ta’ tkexkix tisma’ lill-passiġġieri jibku, jitolbu bil-ħniena biex ma jisparawx għalihom. Tlabt li ningħata l-fjuwil u kont lest intajjar l-ajruplan allavolja kont konvint għall-aħħar li kulħadd kien se jmut f’din l-istorja.  L-awtoritajiet Maltin qaluli biex ngħid lill-pirata tal-ajru li kien inutli li jagħtuna l-fjuwil għax malli nitilgħu fl-ajru kien hemm ajruplani tal-ġlied lesti biex jinterċettaw  l-ajruplan u jerġgħu jiħduh lejn Sigonella. Malli għidt dan lill-pirata ta’ l-ajru, dan qalli li l-awtoritajiet Maltin għandhom jagħtuna l-fjuwil u mbagħad jekk xi ajruplan jinterċettana jkun għamel hekk għal xejn għax kien lest li jisplodi lill-ajruplan tagħna fl-ajru.  Inħoss li l-Prim Ministru Malti għamel tajjeb ħafna li ma ċediex għal din it-talba tal-pirati tal-ajru. Il-pirata deher li kien qed jgħejja u beda jsir aktar tolleranti b’xi mod” kien iddikjara l-kaptan.

Feruti

‘Ftit wara li waqqafna l-ajruplan tlabt lill-pirata ta’ l-ajru biex almenu nniżżlu l-feruti ħalli dawn jittieħdu l-isptar. Fosthom kien hemm iż-żewġ air hostesses Eġizzjani li kienu sfaw feruti waqt l-isparar fl-ajru.  Għaddiet kważi siegħa sakemm il-pirata ta’ l-ajru aċċetta. “Għalhekk għamilt talba lill-awtoritajiet Maltin biex jintbagħtu l-ambulanzi. Il-pirati riedu li l-ambulanzi jieqfu 50 metru bogħod mill-ajruplan u li anke jinxtegħel ftit dawl biex jaraw li kollox kien sejjer kif miftiehem. Il-pirata ħallini nwassal liż-żewġ air hostesses, waħda wara l-oħra. Kelli kull opportunità li naħrab mat-tieni waħda minnhom, iżda ħassejt li d-dover tiegħi li nerġa’ lura lejn l-ajruplan kemm minħabba l-passiġġieri kif ukoll minħabba li kont il-mezz li permezz tiegħu kien qiegħed isir il-kuntatt ma’ l-awtoritajiet Maltin.  Dak il-ħin, dehrli li t-tensjoni li kellu fuqu l-pirata ta’ l-ajru kienet battiet xi ftit. Imma ma ħallinix niċċaqlaq minn posti, lanqas riedni noħroġ mill-cockpit. Il-ħin kollu. Jhedded li joqtolni waqt li r-revolver kien kontinwament m’għonqi.  Ma ridnix li nitkellem fuq ir-radju. Kien hemm żewġ okkażjonijiet li fihom il-pirata ħareġ minn ħdejja. Fihom tajt messaġġi lill-awtoritajeit Maltin. Għidilhom li ma kontx se nirrepetihom u kuntrtarjament għal qabel m’għidilhomx li kont qiegħed nittraduċi  mill-Għarbi għall-Ingliż. Għamilt dan bit-tama li l-awtoriajiet Maltin jindunaw li dawk kienu messaġi minn naħa tiegħi u mhux minn naħa tal-pirati tal-ajru.  Fl-ewwel messaġġ tiegħi għedtilhom li kont naf li Malta mhux se tibdel id-deċiżjoni tagħha li ma tagħtix fjuwil lill-ajruplan u li l-pirati ta’ l-ajru kienu indikaw bl-aktar mod ċar li ma kienu lesti jċedu qatt. L-uniku tama tagħna kienet li l-ajruplan jiġi attakkat. Tajthom messaġġ li jekk ikun se jiġi attakkat l-ajruplan ma kellhomx jippruvaw jidħlu mill-biben għax kien ikun żmien moħli. Għidilthom li l-uniku aċċess għall-ajruplan kienu l-bibien ta’ l-emerġenza fuq il-ġwienaħ.  Dan għamiltu billi indikajtilhom il-pożizzjoni ta’ fejn kienu jinsabu l-pirati ta’ l-ajruplan.” 

Il-mument li ġie attakkat l-ajruplan….”kont ċert li joqtolni”

“Meta rrealizzajt li kien qiegħed jinfetaħ  il-bieb ta’ fejn jinżammu l-bagalji kont naf li l-attakk kien fil-qrib. Għalhekk ippruvajt biex b’kull mod intelliflu l-attenzjoni.  Mill-mod li kien qiegħed jitkellem miegħi l-pirata kont ċert li jekk jħoss li ħaġa ġejja kontrieh kien joqtolni. F’moħħi kelli l-mannara li kienet ħdejja. Ma l-ewwel tir sparat minn dawk li attakkaw l-ajrupaln, il-pirata ta’ l-ajru waddab il-handgrenade u ħareġ mill-cockpit. Din splodiet qrib tiegħi u naħseb li għandi frak tal-ħadid f’għajnejja.  F’ħakka t’għajn reġa’ lura u sparali. Fortunatament kont eżatt fil-mod li ċaqlaqt rasi u laqatni bi żbrixx. Kien il-ħin li tajtu daqqa ta’ mannara. Ma qtiltux bid-daqqa iżda waqqaftu. Kien hemm tliet splużjonijeit ta’ hand grenades. Kien splużjonijiet qawwijin. F’ħin minnhom l-ajruplan imtela’ kollu duħħan u anke ħa n-nar.” 

Dwar l-attakk qal li “infetħet il-bieba tal-cargo. Għamlu splużjoni fil-qiegħ ta’ l-ajruplan, daħlu ġewwa u sparaw għall-pirati u anke intefgħet bomba tad-duħħan.

Jiġi mistoqsi iħossx jekk dan kienx mod tajjeb kif sar l-attakk u hu wieġeb li “jekk tieħu deċiżjoni li tattakka ajruplan li fuqu jkollok erba’ pirati tal-ajru armati b’hand grenades bħalma kellhom ma tistax tiggarantixx li se jkollok operazzjoni ħafifa u faċli.  Trid tifhem li se jkun hemm l-imwiet.  Stajna konna aktar iffortunati b’inqas imwiet.  Kienu pirati ta’ l-ajru li niddeskrivihom bħala qattiela mill-aqwa li ma jaħsbuhiex biex jisplodu l-ajruplan. Filfatt dan għamluh għax kienu pronti waddbu l-handgrenades f’kull direzzjoni ta’ l-ajruplan. Waddbuhom lejn in-nies.  L-operazzjoni ta’ l-attakk tmexxiet tajjeb ħafna iżda konna sfortunati. Veru li mietu numru kbir ta’ nies iżda meta tqis x’tip ta’ nies kienu l-pirati, id-determinazzjoni li kellhom li ma jċedu għal ħadd, il-mod kif qal li lest jisplodi l-ajruplan jekk ikun interċettat, trid tħares lejha bħala operazzjoni li salvat numru ta’ nies li kellhom mewt ċerta lesta tistennihom. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport