Wednesday, February 12, 2025

408,000 telefonata fuq il-linja 112 fl-2024 – 90,000 biss tassew kellhom bżonn l-għajnuna 

Aqra wkoll

Matul l-2024 saru 408,000 telefonata fuq il-linja 112. Ftit aktar minn 90,000 telefonata tassew kellhom bżonn l-għajnuna. Dan ifisser li 22 telefonata minn kull 100 kienu ġenwini.

Dan it-tagħrif ingħata mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri waqt attività li ssir kull sena sabiex jitfakkar il-Jum tal-112. Dis-sena l-attività saret fl-iskola primarja ta’ Bormla u għaliha attenda wkoll il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

Waqt din l-attività ħadu sehem uffiċjali u inġenji tal-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u kif ukoll id-Dipartiment tas-Saħħa li b’mod dirett huma involuti direttament biex jagħtu s-servizzi tagħhom f’każijiet ta’ emerġenza.

Matul l-attività l-istudenti tal-iskola primarja ta’ Bormla setgħu jaraw mill-qrib it-tagħmir li jintuża mill-ħaddiema waqt emerġenza kif ukoll ingħataw tagħrif dwar il-proċeduri li jittieħdu.

F’kelmtejn matul din l-okkażjoni, il-Ministru Byron Camilleri saħaq dwar il-bżonn li kull min iċempel fuq il-linja 112, ikollu verament bżonn l-għajnuna. Imqabbla mal-2023, ftit kien hemm kambjament fit-telefonati li saru lill-112 u li tassew kienu ġenwini. Minn 57% fl-2023, it-telefonati b’ingann jew bi żball is-sena li għaddiet naqsu għal 50%.

Huwa appella biex: “Min iċempel fuq il-112 jagħmel hekk bil-għaqal għaliex telefonata b’ingann jew malizja tista’ tfisser li jkun affetwat min verament għandu bżonn.”

Il-ministru elenka wkoll kif it-telefonati ġenwini fuq il-112, li hija operata u mmexxija mill-Korp tal-Pulizija, tqassmu lid-diversi dipartimenti skont in-natura involuta tal-emerġenza. Fil-fatt:

  • ​79% tat-telefonati kienu indirizzati lid-dipartiment tal-emerġenza għas-servizz ta’ ambulanza;
  • 12% tat-telefonati kienu indirizzati għal servizzi pprovduti mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili;
  • ​9% tat-telefonati kienu indirizzati lill-Korp tal-Pulizija;
  • il-Forzi Armati ta’ Malta rċivew 216-il telefonata

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega li l-parti l-kbira tat-telefonati li daħlu fuq n-numru 112 kienu indirizzati għas-servizz ta’ ambulanza fejn dawn mhux dejjem kienu telefonati bilgħaqal. Għalhekk saħaq dwar l-importanza li minn ta’ età żgħira, inħarġu lit-tfal ikunu jafu l-importanza u l-bżonn ta’ meta wieħed għandu juża n-numru 112.

Huwa qal li l-ministeru jinsab fi stadju avvanzat biex fil-ġimgħat li ġejjin, iniedi kampanja ta’ għarfien dwar dan. Il-ministru temm billi irringrazzja lill-professjonisti kollha f’dan is-settur u ħeġġeġ lit-tfal biex meta jikbru, jingħaqdu f’waħda minn dawn il-professjonijiet fejn ta’ kuljum isalvaw numru ta’ ħajjiet u jkunu ta’ sostenn għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Il-linja ta’ emerġenza 112 hija l-istess fis-27 membru stat tal-Unjoni Ewropea. Hija linja li topera 24/7 is-sena kollha kullimkien.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport