Libjan ta’ 50 sena mingħajr residenza fissa f’pajjiżna ntbagħat 41 xahar ħabs effettivi wara li ammetta li seraq erba’ karozzi u anke għamara. Il-każi seħħew bejn Jannar u Frar ta’ din is-sena.
Abdulsalam Salem Benhamed kien mixli li seraq Morris Minor minn villa fl-Imsida u tliet vetturi oħra tal-għamla Peugeot minn showroom fil-Ħamrun. Huwa kien mixli wkoll li kiser ordni ta’ probation u li sar reċediv.
Huwa wieġeb ħati ta’ dawn l-akkużi meta tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, u kkonferma din l-ammissjoni anke wara li ngħata żmien biżżejjed biex jerġa’ jikkonsidraha.
Qabel tat is-sentenza, il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reati, il-fedina penali tiegħu, il-fatt li ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri u li parti mill-oġġetti misruqa ġew ritornati lill-proprjetarji tagħhom.
Kien għalhekk li filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi, ikkundannatu piena komplessiva ta’ tliet snin u ħames xhur ħabs. Huwa kien ukoll skwalifikat milli jikseb liċenzja tas-sewqan għall-perjodu ta’ sitt xhur.
Fl-aħħar nett, il-Qorti għamlet rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex l-imputat jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa sabiex fil-ħin opportun jibda jsegwi programm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna.