Kważi d-djar residenzjali kollha tal-anzjani madwar Malta issa jistgħu joffru kura paljattiva b’mod professjonali, wara li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) wettqet taħriġ speċjalizzat għal 416-il infermier f’dawn l-istituzzjonijiet.
Din l-inizjattiva qed tiġi implimentata fid-djar residenzjali tal-Gvern kif ukoll f’dawk il-faċilitajiet fejn il-Gvern jixtri sodod. L-iskop hu li pazjenti li jsofru minn kundizzjonijiet serji bħal kanċer, Motor Neurone Disease, dimensja, puplesija, u mard respiratorju jew tal-qalb, jistgħu jirċievu l-kura kollha meħtieġa fid-dar stess, mingħajr ma jkollhom bżonn jiġu trasferiti l-isptar.
Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif dan il-proġett ilu għaddej aktar minn sentejn u juri l-ħidma u l-impenn tal-Gvern biex itejjeb il-kura paljattiva fid-djar residenzjali tal-Gvern. “Dan huwa kunċett ħolistiku li huwa wkoll marbut mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Kura Paljattiva li ġiet imnedija fl-aħħar ġimgħat. Kommessi li nkomplu ninvestu u ntejbu s-servizzi f’dan il-qasam favur il-pazjenti Għawdxin u Maltin”, temm jgħid il-Ministru Abela.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea qal, “Ninnota b’sodisfazzjon li llum għandna numru rekord ta’ infermiera mħarrġa biex jagħtu din il-kura sensittiva b’dedikazzjoni u professjonalità f’kull dar residenzjali. Bdejna b’proġett pilota, u issa wasalna fi stadju fejn din il-forma ta’ kura qed tingħata b’mod delikat u adattat fil-post fejn l-anzjani jgħixu u jħossuhom komdi.”
Il-kura tinkludi trattament biex jiġu kkontrollati sintomi bħal uġigħ, qtugħ ta’ nifs, dardir, aġitazzjoni, dipressjoni u aktar. Il-ħidma ssir minn tim multidixxiplinari li jinkludi tobba, ġerjatri, infermiera, carers, psikoterapisti, practice nurses, ħaddiema soċjali u direttur spiritwali.
Bħala parti mill-proċess, ġew żviluppati protokolli u proċeduri, u tqassam ukoll pakkett b’tagħmir mediku speċifiku għal kull dar, flimkien ma’ taħriġ prattiku għall-ħaddiema. Minn meta beda dan il-proġett, 64 resident irċevew kura komprensiva, filwaqt li mijiet oħra bbenefikaw minn servizzi ta’ sostenn b’rabta mal-istess inizjattiva.