Wednesday, October 23, 2024

420 persuna temmew b’suċċess programm ta’ taħriġ tal-kunsilli lokali 

Aqra wkoll

Dalgħodu, waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett għalqu proġett ta’ taħriġ li kien mifrux fuq medda ta’ erba’ snin. Dan il-proġett bl-isem ‘Taħriġ għall-ħaddiema lokali fil-prinċipji ta’ governanza tajba, kontabbilità u trasparenza’ kien iffinanzjat minn fond ta’ €200,000 permezz ta’ skema Norveġiża. 

Id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali kienet responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, billi tħarreġ u toffri esperjenzi varji fuq materji li jikkonċernaw l-importanza ta’ governanza tajba fit-tmixxija tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin lil membri amministrattivi u eletti tal-kunsilli lokali u reġjonali. Dawn jinkludu l-ħaddiema tal-kunsilli lokali u reġjonali, sindki, kunsilliera u l-Presidenti reġjonali. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali sabiex timplimenta dan il-proġett ta’ taħriġ għall-benefiċċju tal-uffiċjali kollha tal-kunsilli lokali u reġjonali. “Prosit ukoll lil kull min attenda u pparteċipa fl-inizjattivi li ġew organizzati, għaliex fl-aħħar mill- aħħar dan it-taħriġ għandu jsarraf f’lokalitajiet aħjar u fit-titjib tal-ħajja tar-residenti” qalet Zerafa Civelli. Hija temmet tgħid li kif hemm spjegat fid-dokument ta’ Konsultazzjoni għall-Istrateġija Nazzjonali tal-Gvern Lokali, s-Segretarjat Parlamentari huwa impenjat li jibqa’ jsostni fuq l-importanza tal-governanza tajba fuq livell ta’ tmexxija lokali u reġjonali. 

Dan il-proġett sar b’kollaborazzjoni sħiħa mal-imsieħba tal-Gvern Lokali, li jinkludu l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni. Kienu involuti wkoll l-Assoċjazzjoni Norveġiża li tirrapreżenta l-interessi tal-komunitajiet lokali u reġjonali fin-Norveġja. 

Dan il-proġett kompla saħħaħ fuq proġetti oħra li kienu implimentati mill-istess Diviżjoni fi snin preċedenti u li permezz tagħhom ġew identifikati n-nuqqasijiet u l-bżonnijiet għat-titjib fil-qasam tal-governanza fuq livell lokali f’Malta u Għawdex. Ir-rapporti ta’ kull proġett kienu miktuba u studjati minn esperti mqabbda mill-Kunsill tal- Ewropa u abbażi tagħhom u fuq rakkomandazzjonijiet inklużi fihom, ġie mfassal dan il-proġett ta’ taħriġ. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi ewropej Chris Bonett qal li proġett bħal dan kompla jgħin biex itejjeb il- ħiliet ta’ dawk kollha involuti fil-qasam tal-governanza lokali sabiex joffri servizzi aħjar lill-komunitajiet li jirrappreżentaw jew li jaħdmu għalihom. Dr Bonett qal li jħares il quddiem sabiex kemm minn fondi norveġizi u kemm minn fondi ewropej nkomplu ninvestu fil-kunsill lokali u l-impjegati tagħhom bil-għan li jtejjbu servizz li joffru liċ-ċittadini. 

Minn naħa tiegħu d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali qal li hekk kif dan il-proġett issa wasal fi tmiemu jħares ’il quddiem biex jara l-frott tiegħu fit-tmexxija tal-kunsilli lokali u reġjonali. 

In-numru ta’ inizjattivi marbutin ma’ dan il-programm ta’ taħriġ jammonta għal 47. In-numru ta’ uffiċjali eletti u amministrattivi li ġew mħarrġa jammonta għal ftit aktar minn 420 persuna. L-inizjattivi kienu jinkludu korsijiet edukattivi, attivitajiet ta’ team building, laqgħat informattivi u kif ukoll żjarat uffiċjali f’kunsilli lokali Norveġiżi. 

Sport