Sunday, December 22, 2024

44 mejta fil-Pakistan wara splużjoni f’rally politiku Iżlamiku

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 44 persuna nqatlu fi splużjoni fil-Pakistan waqt rally organizzat minn partit Iżlamiku. Aktar minn 100 persuna ndarbu wkoll fl-isplużjoni li seħħet fid-distrett ta’ Bajaur.

Il-Pulizija qalet lill-BBC li sabet evidenza li tissuġġerixxi li l-isplużjoni setgħet kienet possibilment attakk suwiċida.

L-uffiċjali qalu wkoll li ntemmet l-operazzjoni ta’ salvataġġ u dawk midruba ttieħdu lejn l-isptar għal aktar kura. Fl-istess waqt wissew li n-numru ta’ persuni mejta jista’ jiżdied aktar hekk kif 15-il persuna jinsabu f’qagħda kritika.

Mijiet ta’ persuni kienu qed jattendu l-konvenzjoni tal-ħaddiema magħrufa bħala l-JUI-F matul il-jum tal-Ħadd. Ritratti li bdew jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali wrew bosta persuni jistaħbew wara li seħħet l-isplużjoni qrib tal-palk.

Wieħed minn dawn qal li t-tinda li bdew jistkennu taħtha ġġarrfet li wassal biex spiċċaw maqbuda hemm taħt. Sadanittant, l-awtoritajiet tal-pajjiż iddikjaraw emerġenza tas-saħħa fl-isptar distrettwali.

Il-Prim Ministru tal-Pakistan Shehbaz Sharif ikkundanna lil dawk li wettqu dan l-attakk u sejħilhom “terroristi li fil-mira tagħhom kien hemm persuni li jitkellmu għall-Iżlam, il-Quran u l-Pakistan.”

Ekonomija

Sport