F’ċerimonja li saret ilbieraħ filgħaxija fil-Forti Sant’Iermu, 44 rekluta – 33 raġel u 11-il mara – ingħaqdu mal-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli, wara li temmew il-Kors ta’ Taħriġ għar-Rekluti.
It-taħriġ, li dam 9 ġimgħat, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u kien jinkludi, kemm taħriġ fiżiku, kif ukoll akkademiku. Il-kors ta’ tagħlim u taħriġ kien wieħed impenjattiv ħafna, li issa se jwassal biex il-kuntistabbli l-ġodda jibdew jagħtu servizz lill-komunità u lil pajjiżna b’mod professjonali u b’dedikazzjoni.
Fil-messaġġ tiegħu lir-rekluti, il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Dr Byron Camilleri tkellem dwar kif il-pulizija għandhom ikunu parti mill-komunità, mhux biss biex jipproteġu lill-vulnerabbli iżda biex ikunu konxji għal ħtiġijiet tas-soċjetà.
“Bħala pulizija intom tirrapreżentaw lil Malta kuljum. Intom tistgħu tkunu simbolu ta’ Malta bħala pajjiż li josserva l-ordni pubblika, li jemmen fid-dixxiplina u li fuq kollox jaħdem biex b’mod attiv jipprevjeni l-kriminalità,” qal il-Ministru Camilleri. Huwa saħaq li se jsibu Gvern li jinvesti fihom u li jassigura li jwettqu x-xogħol tagħhom f’serenità.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà waqt li appella lill-qraba tal-pulizija l-ġodda biex jappoġġjawhom f’xogħolhom, dar fuq ir-rekluti u qalilhom li l-uniformi tal-Pulizija tagħti identità. Qal li l-uniformi li lebsin hija l-ħalfa tal-Pulizija, li se jservu liċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż b’rettezza, mingħajr pjaċiri u mingħajr favuri.
“Se tissieħbu fil-Korp fi żmien fejn il-Korp tal-Pulizija ser ikun qed jaddotta Kodiċi ta’ Etika ġdid, Politika kontra l-Frodi u l-Korruzzjoni u regoli ġodda dwar x’attivitajiet oħra jista’ jkollu pulizija minbarra x-xogħol normali tiegħu”, qal il-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Kummissarju appellalhom biex fejn ikun hemm it-tuffieħa l-ħażina jġibuha għall-attenzzjoni tas-superjuri tagħhom b’sistemi li se jiġu ntrodotti li jagħmlu tali rapporti ferm aktar faċli.
Is-Sur Gafà saħaq li “intom parti importanti minn trasformazzjoni li dan il-Korp ser ikun qed jgħaddi minnha fix-xhur u s-snin li ġejjin sabiex nassiguraw li nkunu Korp tal-Pulizija li jirrifletti l-ħtiġijiet ta’ soċjetà moderna. Is-soċjetà tal-lum hija waħda li tesiġi aktar trasparenza u aktar kontabbiltà. Hija soċjetà li kontinwament tesponi xogħolna saħansitra b’live feeds fuq il-midja soċjali. Hija fuq kollox soċjetà li trid tkun parti mill-operat tal-Korp u dan fil-fatt aħna għandna nilqgħuh b’idejna miftuħa.”
Matul iċ-ċerimonja saret ukoll il-preżentazzjoni tal-premijiet, tal-aħjar żewġ rekluti fis-suġġetti akkademiċi (l-ewwel post Sarah Galea; it-tieni post Yanika Ciappara); u fis-suġġetti prattiċi (l-ewwel post Jan Debono; it-tieni post Gabriel Portelli).
Il-premju tar-rekluta li l-aktar li ddistingwa ruħu matul il-kors (il-Mark Farrugia Shield), ingħata li Sarah Galea. Sarah Galea, li għandha 24 sena, applikat biex tissieħeb mal-Korp tal-Pulizija għax tara dan ix-xogħol bħala karriera u vokazzjoni, u mhux biss bħala impjieg. Hija ħerqana wkoll li waqt din il-karriera tkompli titgħallem u tikber b’mod professjonali u personali, waqt li kemm hi, kif ukoll ir-rekluti l-ġodda jħossu li huma għandhom ikunu t-tarka tan-nies u jisimgħu l-vittmi.