Ilbieraħ filgħodu, diversi sezzjonijiet tal-Pulizija mexxew spezzjonijiet koordinati l-inħawi ta’ Ħal Qormi u l-Marsa. Huma kienu assistiti mill-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni, b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari.
F’din il-ħidma, 20 persuna li ġejjin min-Niġerja, il-Ghana, il-Mali, is-Sirja, il-Gambja, is-Sri Lanka, il-Bangladesh u t-Togo, instabu jgħixu fil-pajjiż b’mod irregolari.
Din il-ħidma segwiet ħidma oħra f’San Ġiljan u Paceville fejn fl-aħħar jiem ġew arrestati 25 persuna oħra wara li nstabu jgħixu jew jaħdmu fil-pajjiż irregolarment. Dawn kienu ġejjin mis-Sirja, in-Niġerja, il-Ghana, it-Turkija u l-India.
Il-persuni kollha ttieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm jitlesta l-proċess ta’ ritorn tagħhom.