Friday, December 20, 2024

46 jointer tal-Enemalta jiksbu ċertifikat f’taħriġ speċjalizzat

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, l-Enemalta organizzat korsijiet speċjalizzati għall-jointers tagħha li qabel kienu jsiru internament. Dan sar flimkien mal-kumpanija Ġermaniża TE Connectivity li hija magħrufa li tipproduċi fost l-aqwa ġonot għall-cables ta’ vultaġġ għoli u medju.

Wara sensiela ta’ korsijiet li kienu jikkonsistu f’taħriġ teoretiku u prattiku, li tmexxew minn espert Ġermaniż, 46 jointer tal-Enemalta ngħataw iċ-ċertifikat ta’ kompetenza rikonoxxut internazzjonalment biex jaħdmu fuq ġonot ta’ cables ta’ vultaġġ medju — jiġifieri tal-11KV u 33KV.

Fl-operat tal-Enemalta, dawn il-ħaddiema tekniċi għandhom sehem importanti kemm fi proġetti ġodda fin-network tal-Enemalta kif ukoll fit-tiswija ta’ ħsarat li jiżviluppaw. Ix-xogħol irid isir skont il-mestier u jinħtieġ livell ta’ speċjalizzazzjoni biex iż-żewġ truf tal-cable/s jingħaqdu kif suppost. Dan sabiex il-ġonta ma tikkompromettiex l-effiċjenza fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

Il-Ministru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriza Miriam Dalli waqt iċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikati

Il-Ministru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriza Miriam Dalli laqgħet l-impenn li l- Enemalta qed tagħmel fit-taħriġ u l-upskilling tal-ħaddiema tagħha, anke biex tindirizza l-isfida biex issib ħaddiema tekniċi għax-xogħlijiet meħtieġa fl-operat tal-kumpanija.

Waqt il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati lill-ħaddiema, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona fisser kif dan il-kors ġab iżjed konformità, standardizzazzjoni u professjonalità fix-xogħol tal-jointers li huwa xogħol tekniku u kruċjali għan-network tal-Enemalta.

Ekonomija

Sport