Tuesday, December 24, 2024

46% tan-negozji jiddikjaraw bejgħ akbar fl-2023

- stħarriġ tal-Kamra tal-SMEs

Aqra wkoll

Sitta u erbgħin fil-mija tan-negozji rrapportaw li s-sena l-oħra kellhom bejgħ akbar meta qabblu l-andament tan-negozju tagħhom mas-sena ta’ qabel. 26% irrapportaw li ma kellhom ebda ċaqliq filwaqt li 28% irrapportaw li naqsilhom il-bejgħ.

Dan l-istħarriġ li kien ikkummissjonat mill-Kamra tal-SMEs sar bejn it-12 u t-23 ta’ Jannar ta’ din is-sena li fih ġew mistħarrġa 283 negozji. Dawn in-negozji kienu mqassmin hekk: 46.4% kellhom bejn 1 u 9 impjegat, 26.3% iħaddmu bejn 10 u 49 ħaddiem filwaqt li 14.7% għandhom impjegati magħhom 50 ħaddiem jew aktar.

Ir-raġunijiet li taw in-negozji li wasslu għaż-żieda fil-bejgħ tagħhom fl-2023 kienu strateġiji ta’ bejgħ aħjar li jinkludu offerti u skonti, stabbiltà akbar meta mqabbel mal-2022 kif ukoll iżjed fiduċja mill-konsumatur.

Dawk li rreġistraw tnaqqis fin-negozju tagħhom qalu li dan kien dovut għal tnaqqis fl-infiq mill-konsumatur, kompetizzjoni akbar u l-inflazzjoni. Uħud irrapportaw ukoll iż-żieda li kien hemm fil-prezzijiet. Fatt ieħor kien minħabba li żdiedu l-ħwienet f’diversi postijiet.

Fir-rigward ta’ kemm iġġenera profitt in-negozju tagħhom, 40% qalu li naqsilhom il-profitt, 34% qalu li baqgħu l-istess u 26% qalu li s-sena li għaddiet għamlu profitt aktar milli għamlu fis-sena ta’ qabel.

L-akbar spiża li raw in-negozji kienu l-pagi u s-salarji tal-ħaddiema, l-ispejjeż tat-trasport kif ukoll il-miżati li kienu mitluba mill-banek.

Fil-perjodu festiv, 27% tan-negozji qalu li raw żieda fil-bejgħ, 36% baqgħu l-istess mentri 37% qalu li esperjenzaw tnaqqis fil-bejgħ.

Ekonomija

Sport