Proprju bħal-lum 47 sena ilu pajjiżna ra wieħed mill-aktar qtil infami fl-istorja tal-pajjiż: dak ta’ Karin Grech. Kien fit-28 ta’ Diċembru 1977 meta l-familja Grech irċeviet pakkett imgeżwer bħala rigal u indirizzat lil missierha, il-Professur Edwin Grech.
Il-qtil ta’ Karin seħħ fi żmien il-kwistjoni bejn il-Gvern u l-unjin tat-tobba u fl-istess jum kienet intbagħtet bomba oħra lit-Tabib Paul Chetcuti Caruana imma ma splodietx.
Fil-fatt, il-Professur Grech kien irritorna Malta biex jagħti servizz lill-pajjiż peress li numru ta’ tobba kienu fuq strajk. Għalkemm il-Pulizija interrogat diversi persuni, fosthom studenti tal-mediċina li kienu qed isegwu kors biex jilħqu tobba, il-każ għadu meqjus misteru sal-lum.
Fl-2010 il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kienet ordnat lill-Gvern ta’ dak iż-żmien sabiex lill-familja Grech is-somma ta’ €419,287 bħala kumpens għal dan il-qtil li ddikjaratu bħala wieħed politiku. Il-Gvern kien appella mis-sentenza iżda din ġiet ikkonfermata mill-Qorti Kostituzzjonali.
Matul is-snin il-Partit Laburista baqa’ jfakkar il-memorja ta’ Karin Grech b’quddiesa li ssir fil-Knisja ta’ San Ġwann fit-28 ta’ Diċembru ta’ kull sena li tkun segwita bit-tqegħid tal-fjuri mal-monument li hemm fl-istess lokalità.