Thursday, December 26, 2024

4,800 se jingħataw pagamenti għal inġustizzji li sofrew fl-imgħoddi

Aqra wkoll

Madwar 4,800 persuna ser jibbenefikaw minn ftit aktar minn €8.2 miljun, bħala parti minn pagamenti dovuti lilhom minħabba inġustizzji li sofrew fl-imgħoddi. Dawk li se jibbenefikaw minn dawn il-pagamenti huma eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979 u oħrajn li wara daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku, persuni li wkoll kienu fil-korpi iżda wara daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku, u eks impjegati tal-Gas Board li kienu trasferiti mal-korporazzjoni Enemalta.

Għall-ewwel darba, din is-sena se jibbenefikaw ħaddiema li kienu daħlu mal-Korporazzjoni Telemalta bejn Jannar tal-1978 u Jannar tal-1979, iżda naqsu li jikkwalifikaw għall-pensjoni tas-servizz.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt li ħabbar dawn id-dettalji waqt konferenza tal-aħbarijiet il-bieraħ filgħodu qal li din il-wegħda qed tinżamm għas-seba’ sena konsekuttiva. 

Il-pagamenti se jsiru fi tmiem din il-ġimgħa lil dawk il-persuni li sofrew inġustizzji jew anomaliji fl-impjieg tagħhom qabel Marzu tal-2013. B’kollox ser ikunu tħallsu aktar minn €42.7 miljun. 

Intant, bl-għeluq tal-iskema tas-servizz pubbliku, b’kollox ingħalqu erba’ skemi mibdija fl-2017 li jinkludu dawk għal membri tal-korp tal-pulizija, għall-eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board u dawk tax-xatt.

Il-Ministru Michael Falzon temm jgħid illi permezz tat-twettiq ta’ din il-miżura, ġew implimentati l-miżuri kollha fdati lill-Ministeru Soċjali għal din is-sena, xhieda oħra ta’ kemm dan il-Gvern jwettaq dak kollu illi jwiegħed.

Ekonomija

Sport