Thursday, January 15, 2026

50 attività mill-Kunsilli Lokali għal żmien il-Karnival

Aqra wkoll

Fi żmien il-Karnival se jkunu qed jittellgħu 50 attività f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, dan hekk kif għal darb’oħra d-Direttorat għall-Gvern Lokali qed jerġa’ jsostni lill-Kunsilli Lokali b’mod finanzjarju sabiex itellgħu attivitajiet staġjonali fil-lokalitajiet tagħhom.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici u s-Segretarju  Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li spjegaw li għal din l-iskema ġew allokati €250,000.

Intqal kif il-Karnival huwa wieħed mill-eqdem avvenimenti kulturali f’pajjiżna, fejn matul dawn il-ġranet, diversi toroq u pjazez jimtlew bi briju spettakolari li jpaxxi lill-familji miġbura fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, inkluż it-turisti li anke jżuru pajjiżna speċifikament għal dan il-għan.

Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza b’mod ċar kif din hija waħda mill-isbaħ tradizzjonijiet li jkomplu jsaħħu s-sens ta’ komunità f’pajjiżna.

“Fi żmien il-Karnival se jkunu qed jittellgħu madwar 50 attività f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, li se joffru divertiment varjat għal kulħadd. Dan qed isir grazzi għall-impenn kontinwu tad-Direttorat għall-Gvern Lokali, li għal darb’oħra qed jsostni b’mod finanzjarju lill-Kunsilli Lokali sabiex ikunu jistgħu jorganizzaw attivitajiet staġjonali ta’ kwalità. Inizjattiva li mhux biss tqajjem il-briju tal-festa, iżda tkompli tappoġġja l-kultura, il-parteċipazzjoni u l-għaqda fil-komunitajiet tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li sabiex il-Kunsilli jkunu f’pożizzjoni aħjar li jippreservaw u jsaħħu din it-tradizzjoni fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom, id-Direttorat għall-Gvern Lokali reġa’ vara din l-iskema għall-Karnival 2026. Hija spjegat kif dan jallinja wkoll mal-Viżjoni Malta 2050.

“Kull ftit ġimgħat qed noħorġu skemi diversi sabiex nippromwovu l-kultura ta’ pajjiżna. B’hekk il-Gvern ikun qed jgħin lill-Kunsilli Lokali jtellgħu attivitajiet staġjonali fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Wara s-suċċess tal-attivitajiet tal-Milied, issa jmiss l-attivitajiet tal-Karnival. B’hekk inkunu qed niżguraw li kull ċittadin ikun jista’ jgawdi l-Karnival fil-lokalità rispettiva tiegħu jew fil-viċin. Minkejja li l-attivitajiet prinċipali jibqgħu jiġu ċċelebrati fil-Belt Valletta u l-Furjana, qed nagħtu l-opportunità għal iktar parteċipazzjoni f’dawn l-attivitajiet, biex jitgawdew madwar Malta u Għawdex kollha,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Intant il-Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn din l-iskema huma, Ħ’Attard, Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, l-Imtarfa, Birkirkara, Ħal Għargħur, San Ġiljan, il-Birgu, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, il-Furjana, Kalkara, Paola, Ħal Tarxien, Ħal-Qormi, iż-Żejtun, Birżebbuġa, il-Gudja, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, Ħal-Luqa, il-Marsa, Marsaxlokk, Santa Luċija, Santa Venera, is-Siġġiewi, Ħad-Dingli, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ir-Rabat Malta, Ħal Safi, iż-Żurrieq, ir-Rabat Għawdex, il-Fontana, Għajnsielem, l-Għarb, l-Għasri, il-Munxar, in-Nadur, il-Qala, San Lawrenz, Ta’ Sannat, ix-Xagħra, ix-Xewkija u ż-Żebbuġ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport