Monday, May 13, 2024

€50 multa għal raġel li hedded lill-Ministru Silvio Schembri

Il-Ministru jsostni li ħadd m'għandu jħossu mhedded hu u jagħmel xogħlu

Aqra wkoll

Raġel tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni b’rabta ma’ kumment li kien għamel lill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri fuq Facebook.

Simon Cutajar kien tefa’ kumment wara rapport li ttella’ fuq il-paġna talk.mt dwar konferenza stampa li kien indirizza l-Ministru Silvio Schembri fejn ikkritika l-proposti tal-PN dwar il-komunità kummerċjali.

Il-Ministru kien argumenta li “mal-PN ma tafx x’se tieħu imma taf x’se joħodlok.” Cutajar kien kiteb li “miegħek tista’ ssib bomba taħt il-karozza”.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, kienet infurmata li l-akkużat kien iddispjaċieh għall-kumment tiegħu u saħansitra talab skuża lill-Ministru privatament.

Huwa ammetta l-akkużi, filwaqt li nsista li qatt ma kellu l-intenzjoni li jhedded lil ħadd. Min-naħa tiegħu, l-Avukat Maurice Meli, li deher għall-Ministru Schembri, saħaq li tali attitudni mhijiex aċċettabbli.

Schembri, li ngħaqad fis-seduta tal-Qorti permezz ta’ video link, ikkummenta li l-imsemmi kumment sar fl-isfond tal-elezzjonijiet ġenerali tas-sena li għaddiet.
“Kulħadd għandu dritt jagħmel xogħlu mingħajr ma jħossu mhedded,” qal il-Ministru Schembri.

Fid-dawl tal-ammissjoni bikrija tal-akkużat u l-apoloġija tiegħu, il-Qorti mmultatu €50, liema multa se tkun riflessa fil-fedina penali tiegħu.

L-avukat Stefano Filletti deher parte civile.

Sport