Friday, December 27, 2024

50 persuna jitilfu ħajjthom f’attakk mill-ajru għal għarrieda ġewwa l-Myanmar

Aqra wkoll

Attakk mill-ajru li fil-mira tiegħu kellu l-ikbar grupp ta’ ribelli etniċi ġewwa l-Myanmar ħalla minn tal-inqas 50 persuna mejtin u madwar 100 feruti. Din iċ-ċifra ngħatat lill-aġenzija tal-aħbarijiet BBC mill-Kurunell Naw Bau, li huwa l-kelliemi tal-Armata Indipendenti ta’ Kachin (KIA). Persuni li kienu fuq il-post qalu li ajruplan militari tefa’ tliet bombi waqt li kien għaddej kunċert li kien organizzat minn KIA ġewwa l-istat ta’ Kachin fin-Tramuntana tal-Myanmar. Il-persuni li kienu qed jattendu dan il-kunċert qalu li ma kien hemm l-ebda twissija dwar dan l-attakk. 

Fost il-persuni li tilfu ħajjithom kien hemm erba’ kantanti popolari ġewwa Kachin, u persuni li raw l-attakk iseħħ b’għajnejhom qalu li l-militar waqqaf lit-tobba milli jwasslu lil dawk feruti lejn l-isptar ta’ Hpakant. 

Partijiet mill-Istat ta’ Kachin ilhom żmien twil fiċ-ċentru ta’ kunflitt bejn il-militar tal-Myanmar u r-ribelli Kachin u dan minħabba l-minjieri tal-ħaġar ġada. Dan il-ħaġar jiġġenera dħul ta’ xejn inqas minn $30 biljun fis-sena. Il-kunflitt f’din il-parti tal-pajjiż huwa wieħ­ed frekwenti u kien beda qabel il-kolp ta’ stat tas-sena li għaddiet fejn il-gvern ċivili mmexxi minn Aung San Suu Kyi kien tneħħa mill-poter. Bosta analisti qalu li dan l-attakk jista’ jkun wieħed ta’ tpattija jew inkella ta’ twissja mill-militar lejn ir-ribelli Kachin hekk kif dawn tal-aħħar taw appoġġ lil gruppi armati oħrajn ġewwa l-Myanmar li kienu twaqqfu biex jirreżistu l-kolp ta’ stat. 

Ekonomija

Sport