Traġedja li bikmet lill-poplu Malti 50 sena ilu kienet l-isplużjoni tal-vapur “SS Francis A. Holmes” li kien ħiereġ mill-port ta’ Zueina fil-Libja. Fuqu kien hemm ħaddiema Maltin u f’din l-isplużjoni, sfortunatament, kienu tilfu ħajjithom erba’ minnhom. Seba’ Maltin, ukoll abbord dan il-vapur, ħelsuha minn ħalq il-mewt. F’dan l-inċident ma tilfux ħajjithom Maltin biss, iżda persuni barranin oħra fosthom żewġ Ingliżi li wieħed minnhom ukoll kien jgħix f’pajjiżna mal-familja tiegħu.
Rapporti ppubblikati fuq L-ORIZZONT ta’ dak iż-żmien kienu wasslu din l-avveniment ikrah b’rapportaġġ tal-inċident, segwit minn ieħor ġranet wara dwar “xeni ta’ qsim il-qalb” mal-wasla tat-twiebet tal-ewwel żewġ vittmi flimkien mal-Maltin l-oħra li salvaw, aġġornament tas-sejba taż-żewġ katavri tal-Maltin “mitlufa” u finalment, l-għeluq tal-kapitlu ta’ din it-traġedja bil-wasla ta’ dawn l-aħħar żewġ vittmi lura f’pajjjiżna. Dak iż-żmien infakkru li ħafna Maltin kienu jmorru jaħdmu l-Libja għal pagi tajbin ħafna.
Bħala Prim Ministru kellna lill-Perit Dom Mintoff li flimkien ma’ martu, kienu bagħtu fjuri għal fuq it-twiebet tal-vittmi meta rritornaw f’Malta. Dan bħala turija ta’ rispett kemm lejn il-vittmi, kif ukoll lejn il-familjari li sofrew din it-telfa indeskrivibbli.
L-erba’ vittmi kellhom inqas minn 30 sena
… Kollha ħallew armla tibkihom
… waħda minnhom tqila bl-ewwel tarbija
Il-jum tat-Tlieta, 5 ta’ Awissu tal-1975 kien jum ta’ niket kbir. Dan hekk kif tliet familji f’Tas-Sliema u oħra fil-Belt flimkien ma’ qraba u ħbieb ħadu aħbar kerha mil-Libja li l-għeżież tagħhom kienu fost il-vittmi tal-isplużjoni fuq l-imsemmi vapur. L-isplużjoni kienet irrapportata li seħħet madwar l-10.30 ta’ filgħodu tal-jum ta’ qabel. L-erbat irġiel Maltin li tilfu ħajjithom traġikament kienu John Bondi mill-Belt, Michael Bonnett, Carmel Sammut u Michael Vella, it-tlieta li huma minn Tas-Sliema. Il-vittmi kollha Maltin kellhom taħt it-30 sena u ħallew famillja warajhom.
Skont rapporti li kienu nħarġu, din it-traġedja żvolġiet waqt li l-vapur kien qiegħed iġorr għaddasa għal xogħol mill-“Occidental of Libja Incorporation”. Fid-dettalji mogħtija, l-isplużjoni seħħet fuq il-gverta tal-vapur meta kienu qegħdin jinbidlu l-pajpijiet.
Bondin, ta’ 29 sena bi pjan konkret li jieqaf isiefer fuq xogħol, kien għadu kemm żżewweġ sena qabel u martu kienet qiegħda tistenna l-ewwel tarbija tagħhom. Vella kellu 28 sena, John Bondin 29 sena u Carmel Sammut 27 sena. Dawn ukoll kienu miżżewġa. L-aħħar żewġ vittmi ħadmu flimkien, mietu flimkien u l-katavri tagħhom instabu flimkien 12-il jum wara l-inċident.
Il-vapur kien inqered għal kollox…
destin traġiku b’familji jitolbu informazzjoni
Fir-rapport ta’ L-ORIZZONT ta’ 50 sena ilu kien ingħad kif, “bl-isplużjoni, il-vapur inqered għal kollox bin-nar. Mill-erba’ rġiel Maltin li tilfu ħajjithom, Bondin u Sammut kienu miżżewġa li, flimkien ma’ Bonnett, kienu qegħdin jaħdmu mal-kumpanija Maltija East Anglia Electric Diving Limited li twaqqfet sentejn ilu”. Kien ġie rrapportat li, skont il-kuntratt Sammut kien mistenni lura Malta matul dik il-ġimgħa mentri Bonnett kien ġej Malta ħmistax warajh.
Il-ġurnalisti ta’ L-ORIZZONT kienu ġabru aktar informazzjoni fejn saru jafu li Bondin kien se jtemm il-kuntratt tas-safar wara li rnexxielu jikseb permess biex jarma fuq il-Monti. Dan ix-xogħol kien se jtemmlu għal kollox il-karriera tas-safar fuq il-baħar barra minn pajjiżna. Imma, id-destin tiegħu, traġikament, kien dan. Bondin kien irrapportat bħala raġel attiv membru tat-tim Malti tas-Sajd ta’ Taħt il-Baħar u li kien “igawdi minn reputazzjoni u meqjus bħala sportiv kbir f’dan il-qasam”. Dwar Vella ġie rrapportat li kien jaħdem għall-kumpanija Svizzera “Mid-Mar”.
F’informazzjoni oħra mogħtija fl-ewwel rapport ingħad li, “f’din id-diżgrazzja tilfu ħajjithom ukoll żewġ Ingliżi, John Mclellan u Barry Caire. Dan tal-aħħar kien qiegħed jgħix Malta flimkien mal-familja tiegħu. Żewġ Ingliżi oħra Clifford Aarkley u Henry Rumena jinsabu fi sptar jiġu kkurati għall-ġrieħi li ġarrbu. Skont l-ewwel rapporti, għad m’hemm xejn magħruf dwar il-kundizzjjoni tagħhom”.
Il-qarrejja ġew infurmati li fl-Aġenzija tal-“EAE Divers Limited” f’Paceville, li magħha kienu impjegati tlieta mill-vittmi, kien hemm kuntatt kontinwu mill-qraba tal-vittmi biex jingħataw aktar tagħrif. Din l-Aġenzija kienet ukoll f’kuntatti kontinwi mal-Libja għat-tħejjijiet meħtieġa biex il-vittmi jinġiebu għad-difna lura f’art twelidhom.
Xeni ta’ qsim il-qalb f’Ħal Luqa…
“Micheal Ibni… Michael Saħħa”
Fil-fatt, il-kadavri ta’ Bonnett u Vella nġiebu f’pajjiżna jumejn wara, nhar il-Ħamis 7 ta’ Awwissu 1975. F’rapport intitolat “Xeni ta’ qsim il-Qalb f’Ħal Luqa” kien ġie deskritt kif “fl-ajruport ta’ hawnhekk illum wara nofsinhar waqa’ skiet kbir. In-nies li mlew il-gallerija kienu kollha ssummati. Kien hemm atmosfera ta’ dieqa li kont taqtagħha b’sikkina. Is-skiet inkiser biss bil-ħoss tal-ajruplan Boeing 720B tal-Air Malta li wasal għall-ħabta tal-5.30 p.m. Fuqu kellu l-kadavru ta’ tnejn mill-vittmi Maltin li tilfu ħajjitom fl-inċident ta’ nhar il-Ħadd filgħodu fi Tripli u seba’ Maltin oħra li ħelsuha”. Is-seba’ Maltin li baqgħu ħajjin f’dan l-inċident kienu Michael Buttiġieġ, Joe Buhagiar, Joe Gatt, Paul Cordina, Freddie Bonnici, Richard Silvio u Charles Caruana.
Ir-rapport iddeskriva l-wasla tagħha bl-ewwel li kienu tniżżlu minn fuq l-ajruplan kienu l-Maltin li baqgħu ħajjin wara l-inċident deskritt bħala “tal-biża’”. Hawn ingħatat stampa ta’ xena komwoventi għall-aħħar b’għajjat u isteriżmu kbir mill-ewwel Malti li feġġ mill-ajruplan. Għajjat “le”. Huwa u niżel mill-ajruplan dan kien irrapportat li tgerbeb it-taraġ u flixkun li kellu fuqu tkisser u darbu b’konsegwenza li beda ħiereġ id-demm. F’din il-kommozzjoni kollha, ingħad li “sħabu wkoll kienu qegħdin jibku u kien hemm min ipprova jikkonsolahom”.
Hawn sar ukoll it-trasport tal-vittmi Bonnett u Vella li ħarġu mill-bieba tal-komportament tal-bagalji f’żewġ kaxxi ssiġillati. Ftit ‘il bogħod kien hemm missier Bonnett u missier Vella mal-aħwa u l-familjari l-oħra. Dawn iż-żewġ kaxxi li fihom kien hemm it-twiebet, kienu ttieħħdu fil-maħżen fejn infetħu u wara li tqiegħdu fuq karru tal-bagalji, itieħdu fejn kienu l-missirijiet taż-żewġ mejtin. Il-kliem ta’ qsim il-qalb ta’ missier Bonnett “Michael ibni!” u “Saħħa Michael” instemgħu jidwu “fi skiet miksur b’biki u lfieq”, waqt li missier Vella qagħad ftit ‘il bogħod u ħu l-mejjet ma felaħx aktar u nfexx jibki fuq it-tebut ta’ ħuh.
Iż-żewġt itwiebet wara kienu ttieħdu fuq l-ispalla sal-karozzi u mid-dettalji mogħtija kien hemm żewġ ground hostesses tal-Air Malta li poġġew bukkett ta’ fjuri fuq kull tebut mibgħuta mill-Prim Ministru Dom Mintoff u martu. Iż-żewġt itwiebet wara kienu ttieħdu l-Isptar San Luqa fejn baqgħu hemmm sal-għada – il-jum tal-funeral
“Ħadmu flimkien, mietu flimkien u l-katavri tagħhom instabu flimkien”
“Kien hemm xena daqsxejn differenti n-naħa l-oħra tal-ajruport meta s-seba’ Maltin ixxurtjati li baqgħu ħajjin iltaqgħu mal-familjari tagħhom… Dawn ma kienux kuntenti meta jiftakru li ħallew warajhom tnejn minn sħabhom li għadhom ma nstabux,” kompla r-rapport. Fil-fatt, il-gazzetta tagħna kienet baqgħet issegwi l-iżviluppi dwar dawn l-aħħar żewġ vittmi “mitlufa” dakinhar tal-isplużjoni tant li, f’artiklu sussegwenti, kienu wasslu l-aħbar li wara 12-il ġurnata l-katavri ta’ Bondin u Sammut instabu fil-baħar. Dawn kienu nstabu minn uffiċjali tas-sigurtà Libjana li kienu qegħdin jagħmlu r-ronda bil-jeep tul il-kosta fl-inħawi ta’ fejn seħħ l-inċident, sejba li kienet ikkonfermat mill-aġent tal-vapur inkwistjoni, kif ukoll mill-aġent ta’ dak iż-żmien, il-Perit Joseph Caruana Huber. Dan tal-aħħar kien qal li ġie infurmat mill-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin li min-naħa tiegħu kien ġie infurmat mill-Ambaxxata Maltija fi Tripli.???
F’dan l-aġġornament il-ġurnal L-ORIZZONT kien ta d-dettalji li ż-żewġ kadavri nstabu madwar 75 jarda ‘l bogħod minn xulxin u li nstabu sħaħ għalkemm kienu “xi ftit deterjorati minħabba l-jiem li ilhom fil-baħar”. Ingħad ukoll li l-Ambaxxata Maltija fi Tripli kienet qiegħda tagħmel l-arranġamenti biex il-kadavri jinġiebu Malta possibbilment fi żmien jumejn x’aktarx għall-ħabta tal-5.20 ta’ filgħaxija. Il-Perit kien ikkwotat li qal ukoll li “l-awtoritajiet Ingliżi tal-kumpanija kkonfermawli li ż-żewġ kadavri ġew identifikati pożittivament. Sammut li kellu 27 sena u kien joqgħod San Ġwann u John Bondin li kellu 29 sena li kien mill-Belt, kienu t-tnejn miżżewġin”.
Tmiem l-aħħar kapitlu ta’ traġedja
… imrar ta’ inċident li nħass mill-poplu kollu
Sadanittant, il-kadavri kienu ttieħdu Tripli bi tħejjia biex ikunu ritornati lejn Malta. Inkiteb li “hekk jintemm l-aħħar kapitlu traġiku ta’ dan l-inċident li l-imrar li ġab miegħu nħass mill-poplu kollu”. Fl-aħħar rapport datat 21 tal-istess xahar u sena, kien ġie rrapportat dan l-għeluq bil-katavri jaslu Malta flimkien fuq l-ajruplan tat-tip Boeing 720B tal-Air Malta minn Tripli. Dawn ġew f’żewġ kaxxi magħluqa bħal dawk qabilhom.
“Il-familji taż-żewġ ħaddiema Maltin kienu ssummati jistennew dan il-mument wara jiem ta’ qtiegħ il-qalb li fihom kienu qegħdin jistennew b’ansjetà li jinsabu l-kadavri,” kompla r-rapport. Hawn ukoll ġie deskritt il-ħruġ tat-twiebet mill-ajruplan u l-ġarr fuq l-ispallejn tagħhom bil-hostesses tal-linja nazzjonali tal-ajru tagħna jpoġġu, għal darb’oħra, kuruna tal-fjuri bojod u ħomor fuq kull tebut mibgħuta u mill-Perit Mintoff u s-Sinjura tiegħu.
Finalment, fil-karozzi tal-mejtin iż-żewġt itwiebet kienu ttieħdu fiċ-ċimiterju tal-Addolorata u tpoġġew fil-kamra mortwarja “b’żewġ familji mbagħad telqu b’qalbhom maqsuma miċ-ċimiterju fejn għada filgħodu jerġgħu jmorru għall-quddiesa ‘presente cadavere’ li tibda fid-9.00 a.m. Il-quddiesa għar-ruħ ta’ Sammut issir fl-10 a.m. Wara jiġu midfunin”.
Kif ingħad f’dan l-aħħar rapport, “17-il ġurnata wara l-isplużjoni fuq il-vapur SS. Francis A. Holmes fi Zuentina, Libja” kien ingħalaq l-aħħar kapitlu ta’ din it-traġedja kerha, .