Saturday, May 4, 2024

50 sena mill-qtil faħxi ta’ skrivan ta’ bank fl-Imġarr waqt serqa

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Illum jaħbat il-ħamsin anniversarju mindu seħħ il-qtil faħxi ta’ kaxxier żagħżugħ fl-Imġarr. Kien każ kien litteralment ixxokkja lil Malta f’Mejju tas-sena 1972. L-iskrivan Joseph Spiteri kien inqatel b’tir ta’ senter hekk kif pjan għas-serqa tal-bank mar żmerċ. Il-qattiel u sħabu kienu mgħammdin, b’kalzetti tan-nylon u wara ħarbu b’karozza. Il-każ kien seħħ fil-fergħa tal-bank Barclays.

Dik il-fergħa kienet tiftaħ darbtejn fil-ġimgħa l-Erbgħa u l-Ġimgħa.  Kien George Busietta, il-kaxxier inkarigat mill-fergħa, li mar bħas-soltu fit-8.30 ta’ filgħodu biex jiftaħ il-fergħa tal-bank.  Flimkien ma’ Joseph Spiteri, huma bdew jaqdu l-ewwel klijenti. Wieħed mill-ewwel klijenti kien Neriku Demanuele, bejjiegħ tal-pastizzi mir-Rabat. 

Proprju ftit minuti biss wara, quddiem il-bank waqfet karozza tat-tip Escort bajda, bil-bonnet tal-makna aħdar. 

Minnha ħarġu żewġt irġiel b’wiċċhom mgħammad u bi snieter bil-kanen maqtugħin f’idejhom. Ieħor baqa’ fil-karozza. 

Jidher li hekk kif il-ħallelin kienu deħlin il-bank, wieħed minnhom spara fuq Spiteri u qatlu. Il-ħallelin ħarbu minnufih  bil-karozza wara li ħatfu kemm setgħu flus, fejn l-ammont jidher li ma kienx aktar minn Lm1,000.

Il-karozza instabet qed tinħaraq  fi triq magħrufa bħala Wied il-Għasel bejn Burmarrad u n-Naxxar.  Il-karozza kienet maħruqa għal kollox u fit-triq kien hemm żewġ spare wheels u landa li setgħet kienet tal-petrol. 

L-għada sar il-funeral ta’ Joe Spiteri, fejn skont dak rappurtat kien spikka l-ilfieq ta’ ommu, li nstemgħet tgħid “Għaliex qatluk? X’qatt għamiltilhom?”. Fil-ħin tad-difna, l-omm riedet bilfors tara għall-aħħar darba lil binha qalet li “Għallimtek l-iskola u mitt bl-iskola”.  Dakinhar tal-funeral il-banek kollha f’Malta u Għawdex żammew nofs bieba magħluqa u  tellgħu bandiera mezzasta b’sinjal ta’ luttu.

Jumejn wara dan id-delitt sar magħruf li l-familja tal-iskrivan kienu se jingħataw Lm15,000. Intant tlett ijiem wara id-delitt, tressqu l-Qorti tlett persuni akkużati  b’dan ir-reat. Dawn kienu Frank Frendo ta’ 27 sena,  Leli Zammit ta’ 38 sena, John Gatt ta’ 44 sena,  u Thomas Moran ta’ 30 sena.

Sport