Friday, November 22, 2024

50 sena mit-Tneħħija tal-Piena tal-Mewt f’Malta (1)

Aqra wkoll

Jikteb Robert Aloisio

Bejn l-1900 u l-1943 saru għaxar eżekuzzjonijiet mill-Istat f’Malta, bl-aħħar eżekuzzjoni tkun dik tal-aħwa Karmnu u Ġużeppi Zammit li ngħataw il-forka nhar il-5 ta’ Lulju 1943 għall-qtil ta’ Spiru Grech. L-aħħar eżekuzzjoni għal reat ieħor li ma kienx qtil seħħet matul it-Tieni Gwerra Dinjija, meta Carmelo Borg Pisani ġie mdendel għal tradiment fit-28 ta’ Novembru 1942. 

L-aħħar persuna kkundannata għall-mewt f’Malta kien Anthony Patignott fl-1 ta’ Ottubru 1963, għall-qtil ta’ Manwel Baldacchino. Imma l-Gvernatur Ġenerali Sir Maurice Dorman kien bidel is-sentenza ta’ Patignott f’waħda ta’ għomor il-ħabs. Bejn l-1900 sal-1963, kien hemm ħames każijiet oħra li s-sentenza tagħhom ta’ piena tal-mewt inbidlet f’sentenza ta’ ħabs, fosthom fil-famuż każ ta’ Ġiġa fl-1961.

Il-Piena tal-Mewt fid-Dinja

Minkejja li f’Malta l-piena tal-mewt kienet ilha ma tingħata 28 sena, fil-liġijiet Maltin din kienet għadha kkontemplata u sal-4 ta’ Ottubru 1971 (meta nbidlet il-liġi) din setgħet tingħata. Piena tal-mewt tfisser li l-Istat joqtol persuna bħala kastig għal delitt jew krimini li din tkun wettqet. Tissejjaħ ukoll piena kapitali (mil-Latin capitalis minn caput, “ras”) għax f’xi pajjiżi l-eżekuzzjoni kienet issir bil-qtugħ tar-ras, imma eżekuzzjonijiet kienu u għadhom isiru b’ħafna metodi fosthom it-tgħalliq, l-isparar, l-injezzjoni letali, it-tħaġġir, l-elettrokuzzjoni, u l-iggassjar.

Fid-dinja għad baqa’ 54 pajjiż li għandhom il-piena kapitali. 107 pajjiżi, fosthom Malta, neħħewha kompletament “de jure” għad-delitti kollha. Sebgħa neħħewha għal delitti ordinarji (filwaqt li żammewha għal ċirkostanzi speċjali bħal delitti tal-gwerra) kif kienet Malta sas-sena 2000, u 27 pajjiż huma abolizzjonisti fil-prattika. Għalkemm ħafna nazzjonijiet neħħew il-piena kapitali, aktar minn 60% tal-popolazzjoni tad-dinja tgħix f’pajjiżi fejn għad hemm il-piena tal-mewt, bħalma huma ċ-Ċina, l-Indja, l-Istati Uniti, l-Indoneżja, il-Pakistan, il-Bangladexx, in-Niġerja, l-Eġittu, l-Għarabja Sawdita, l-Iran, u l-Ġappun.

Gvern Progressiv

Bejn it-12 u l-14 ta’ Ġunju 1971 saret it-tieni elezzjoni wara l-Indipendenza. Il-Partit Laburista mmexxi minn Dom Mintoff kien ilu tlettax-il sena ma jkun fil-Gvern, minn meta Mintoff kien irriżenja fl-1958 bi protesta kontra l-Gvern Ingliż li ried jissensja bosta ħaddiema. Sadattant kien hemm il-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża li tellfet lill-Partit Laburista żewġ elezzjonijiet. Fl-elezzjoni tal-1971, il-Partit Laburista ġab maġġoranza ta’ ftit inqas minn 5,000 vot u fil-Parlament kellu biss maġġoranza ta’ siġġu wieħed, imma Mintoff kien determinat li jwettaq il-bidliet kollha li kien jara meħtieġa fit-tiswir ta’ stat modern.

It-Tielet Leġislatura tal-Parlament minn wara l-Indipendenza bdiet nhar is-16 ta’ Awwissu 1971, xahrejn wara li ħareġ ir-riżultat elettorali. Dak iż-żmien, il-Parlament kien jiltaqa’ fis-Sala tal-Arazzi, il-Palazz tal-President, il-Belt Valletta, u kellu 55 Deputat. Il-Grupp Parlamentari Laburista kien magħmul minn 28 Deputat u l-Oppożizzjoni wieħed inqas. Fil-Parlament kien hemm 22 avukat, 13-il tabib, 4 ġurnalisti u 3 periti.

Erba’ ġimgħat wara l-ftuħ tal-Parlament, nhar l-14 ta’ Settembru 1971, fis-Seduta numru 11, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u tal-Parlament, Dr Anton Buttigieg ressaq Abbozz ta’ Liġi biex ikompli jemenda l-Kodiċi Kriminali u jneħħi l-Piena tal-Mewt fil-biċċa l-kbira mill-każijiet. Dak iż-żmien, l-avukat Għawdxi u ex ġurnalist kellu 59 sena. Anton Buttigieg (1912-1983) kien ilu fil-Parlament mill-1956 u kien tela’ fi tliet elezzjonijiet konsekuttivi. Iżjed tard, fl-1976, huwa nħatar bħala t-tieni President tar-Repubblika ta’ Malta. Magħruf ukoll bħala wieħed mill-akbar poeti Maltin.

Il-Partit Nazzjonalista u l-Piena tal-Mewt

Il-Partit Nazzjonalista, meta kien fil-Gvern, kellu wkoll il-ħsieb li jneħħi l-piena kapitali. Fil-25 ta’ Marzu, 1965, il-Ministru tal-Ġustizzja Tommaso Caruana Demajo kien ippropona mozzjoni parlamentari li fiha qal li “l-Kamra hija tal-opinjoni illi f’ċerti każi l-piena kapitali għandha tiġi abolita”. Din il-mozzjoni bdiet tiġġedded minn xahar għal xahar sakemm fis-26 ta’ Jannar 1966 ma ġietx imġedda iżjed u “mietet fuq ommha”. Fil-Parlament, Buttigieg kien qal, “il-liġi ma ġiet proposta qatt u dak li l-Gvern Nazzjonalista ma għamilx f’disa’ snin il-Gvern Laburista għandu l-unur li jippreżentah biex iwettqu fi żmien disa’ ġimgħat”.

Fl-awtobijografija tiegħu “Konvinzjoni u Esperjenza” (2015), Ugo Mifsud jgħid li fuq dan is-suġġett “il-Partit Nazzjonalista għadda minn prova delikata ħafna. Lejn l-aħħar tal-1971, il-Gvern ta’ Mintoff ippropona li titneħħa l-piena tal-mewt. Kien hemm fil-Grupp min ma kienx jaqbel. Jiena sostnejt li, bħala punt ta’ prinċipju, din il-piena selvaġġa, sproporzjonata u inutli, ma kellhiex tibqa’. Borg Olivier qal li huwa ma kienx biddel il-liġi biex ma jagħtix messaġġ li jinkoraġġixxi xi delitt, imma kien determinat li, meta jkun fil-gvern, qatt ma tiġi esegwita. Bl-Att XXI tal-1971, il-piena ġiet abolita.”

Abbozz storiku

Il-Ministru Buttigieg ippreżenta hekk l-Abbozz ta’ Liġi: “Mr Speaker għandi l-unur li nippreżenta din il-liġi li tabolixxi l-piena tal-mewt fil-każijiet kollha fejn hemm il-piena tal-mewt, barra mill-każ tal-attentat kontra r-Reġina, ta’ insurrezzjoni u kolp ta’ stat u ta’ qtil ta’ Gvernatur Ġenerali u ta’ Ministri u ta’ Membri tal-Parlament…”

“Mr Speaker, qiegħda tiġi abolita l-piena tal-mewt l-ewwelnett fil-każ tal-artiklu 225, fil-każ tal-omiċidju volontarju; imbagħad, fil-każ ta’ serq akkumpanjat bl-omiċidju; fil-każ ta’ ħruq ta’ tarznari, bċejjeċ tal-gwerra, imħażen tal-porvli, baċir pubbliku, jew kamp tal-artillerija; fil-każ ta’ wieħed li jagħti n-nar lil xi post meta fih ikun hemm xi ħadd li jkun qiegħed hemm u, bħala konsegwenza, imut; fil-każ ta’ ħruq, periklu komuni li n-nar jistà jinxtered u jistà joqtol u, fil-fatt joqtol; u fil-każ ta’ wiri ta’ dawl foloz jew tifi ta’ dwal li jservu għan-navigazzjoni li minħabba f’hekk jiġri xi inċident li fih imutu n-nies. F’dawn il-każijiet kollha, il-piena tal-mewt qegħda tiġi abolita u sostitwita bil-piena ta’ priġunerija għall-għomor.”

Dan l-abbozz ta’ liġi kien wieħed storiku għax għall-ewwel darba kienet se titneħħa l-piena tal-mewt mill-kodiċi kriminali ta’ Malta. Kien hemm ftit pajjiżi Ewropej li neħħewha fl-istess żmien bħalna: l-Awstrija (1968), ir-Renju Unit (1969) u l-Finlandja (1972) imma kien hemm ħafna oħrajn li neħħewha snin warajna, fosthom il-Portugal (1976), Spanja (1978), id-Danimarka (1978), Franza (1981), l-Olanda (1982), Ċipru (1983), l-Irlanda (1990), il-Greċja (1994), u l-Belġju (1996).

“L-Istat għadu fl-infanzja tiegħu”

Fil-Parlament, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, forsi biex tissorvola d-diverġenzi kbar ta’ opinjoni fi ħdanha, attakkat dan l-abbozz ta’ liġi minħabba l-eċċezzjonijiet li jagħmel, għalkemm fil-prinċipju kienet taqbel mal-Gvern. Buttigieg iddefenda hekk l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Abbozz:

“Meta qegħdin nagħmlu hekk, qegħdin nimxu max-xejra li hemm fid-dinja li, għalkemm ma tistax tgħid li hija ġenerali, tabolixxi fi kwalunkwe każ il-piena tal-mewt, imma kif jidher mir-Riżoluzzjoni 23 tal-United Nations tal-1968, x-xejra hija ‘towards fewer executions’ – illi jkun hemm inqas każijiet fejn tiġi inflitta l-piena tal-mewt. U ma’ din aħna qegħdin nottemperaw ruħna.”

“… Kulma għamilna ġdid aħna kien li ħallejna l-piena tal-mewt għal min joqtol lill-Gvernatur-Ġenerali, għal min joqtol Ministru, jew għal min joqtol Membri tal-Parlament għal raġunijiet politiċi. Aħna jidhrilna li l-Istat tagħna għadu fl-infanzja tiegħu u ma nistgħux ikollna l-lussu illi nneħħu l-piena tal-mewt kompletament; ma jistax ikun. Forsi iżjed ‘il quddiem jistà jkun li titneħħa. Ma niħdux pjaċir aħna li nħalluha.”

Il-Maltin kontra l-Piena tal-Mewt

Il-Ministru Anton Buttigieg kompla jgħid li, “kienet ħaġa ċerta li meta qed inneħħu l-piena tal-mewt naħseb qegħdin nilqgħu x-xewqa tal-maġġoranza tal-poplu Malti… U dan konna narawh l-ewwelnett meta jkun hemm każ ta’ mewt, f’każ ta’ eżekuzzjoni, f’każ ta’ bniedem li jneħħulu ħajtu. F’dak il-każ kienet tqum ċerta reazzjoni. Il-bojja kien l-aktar bniedem mibgħud hawn Malta, kellu ċerta stigma fuqu.” 

L-ewwel deputat min-naħa tal-Oppożizzjoni li tkellem dwar dan l-abbozz ta’ liġi kien l-avukat Bormliż Ugo Mifsud Bonnici li dak iż-żmien kellu 39 sena. Bin il-politiku kbir magħruf bħala “l-Gross” (li kien wieħed mill-għalliema tal-liġi ta’ Anton Buttigieg fl-Università), din kienet it-tieni darba tiegħu li ġie elett fil-Parlament. Iżjed tard kien Ministru tal-Edukazzjoni u fl-1994 intgħażel bħala President ta’ Malta. Għadu ħaj u mimli bl-għomor. Mifsud Bonnici, kif rajna diġà, kien oppożitur aħrax tal-piena tal-mewt. Fost l-oħrajn, kien qal hekk:

“…il-Maltin – u ilu dan – waslu fil-konvinzjoni li l-piena tal-mewt m’hemmx bżonnha, li l-piena tal-mewt hija barbariżmu f’daż-żmien, u li għandna naboluha. Infatti mill-1943 sal-lum l-ebda piena tal-mewt ma ngħatat. Ma ngħatat mhux għaliex kien hemm xi deċiżjoni mill-Parlament jew tal-Gvern, imma għax is-soċjetà nnifisha, hi stess, ikkmandat, ordnat, lil min kien jiggverna dawn il-gżejjer, li l-piena tal-mewt ma tingħatax.”

“Dan hu każ fejn il-poplu stess wera lil min jiggvernah li ma jridhiex il-piena tal-mewt. Allura ma nistax nifhem kif l-Onor. Buttigieg jiġi jgħidilna llum li pajjiżna għadu ma wasalx biex jistà jaffordja l-lussu illi jneħħi totalment il-piena tal-mewt. Altru li wasal il-pajjiż! Il-pajjiż ilu jistenna illi l-Gvern ineħħiha l-piena tal-mewt. Anzi, abrogaha l-pajjiż.”

“… Il-veru protagonista ta’ din il-liġi mhu la l-Gvern Laburista, la l-Oppożizzjoni Nazzjonalista – l-ebda bniedem minna li hawn hawn ġew – imma huwa l-poplu Malti li ilu li nduna li l-piena tal-mewt qegħda hemm anakroniżmu, li ma għandniex bżonnha u li, fil-fatt, ma ħaddimhiex iktar. Dan huwa fatt li jafu kulħadd. Is-sena 1943 ilha li għaddiet. Għaddejna u rajna delitti, li kif qal tajjeb ħafna Dr Buttigieg, kieku l-poplu kien konvint li hemm bżonnha, kienu proprju delitti li ħaqqhom il-forka u, b’danakollu, ma ħaduhiex. Għaliex? Għax il-piena llum il-poplu ma jridhiex u ilu ma jridhiex.”

Għomor il-ħabs flok piena ta’ mewt

Buttigieg kompla jgħid li bħala avukat, “konna nassistu fis-sala tal-ġurijiet u konna naraw li avolja bosta drabi kienu veru jikkonkludu kontra l-imputat li dan huwa ħati verament ta’ qtil, però l-ġurati kienu jagħmlu kompromess magħhom infushom u kienu jiġu tmienja b’wieħed jew sebgħa bi tnejn biex ma tingħatax il-piena tal-mewt għax kien hemm dispożizzjoni illi meta l-ġurati ma jkunux unanimi l-Qorti tistà flok il-piena tal-mewt tagħti l-priġunerija għall-għomor lil dak li jkun.”

“…Dak li huwa kontra l-poplu Malti huwa illi bniedem li jiġi kkundannat għal għomru flok il-piena tal-mewt, wara ftit snin tarah ma’ saqajk. U allura fl-artiklu 504 iddistingwejna u għidna illi jekk ħallejna l-liberalità li kien hemm ma naqqasna xejn milli kien hemm. Kien hemm liberalità illi meta l-ġurati mhumiex unamini, il-Qorti tistà ma tagħtix il-piena tal-mewt. Aħna dehrilna li dik il-liberalità ma kellniex inneħħuha u ħallejnieha; u meta l-ġurati ma jkunux unanimi l-Qorti tistà tagħti l-piena għall-għomor.”

Mifsud Bonnici ikkonferma dan meta qal, “Il-ġurati, għal snin twal, kienu jġebbdu ftit il-kuxjenza tagħhom, ma jivvutawx unanimament biex tingħata l-piena tal-mewt għax kienu jħossu li hemm dmir aqwa minn dak li kienu ħalfu bħala ġurati, li hu dmir tagħhom ta’ Maltin, li jaraw li Malti bħalhom ma jiġix maqtul mill-istat, ma jiġix magħmul l-omiċidju mill-istat li sal-lum għandna fil-Kodiċi tagħna.”

Kastig jew deterrent

Mifsud Bonnici jistaqsi x’inhu l-iskop tal-piena tal-mewt? U jwieġeb hekk: “Oriġinarjament il-piena tal-mewt ma kellhiex skop ieħor ħlief li wieħed ipatti għajn għal għajn u sinna għal sinna. Hekk daħlet il-piena tal-mewt. Ma daħlitx għal skop ta’ deterrent. Meta daħlet l-ewwel darba, meta xi darba kien hemm min qal: ‘La darba qatel noqtluh’, daħlet bħala sempliċi ġustizzja vendikattiva, tpattija. Però biż-żmien, meta n-nies bdew jirraġunaw ftit iktar riedu jsibu xi raġuni għalfejn iżommuha. U żammewha għax qalu: ‘Jekk tneħħiha ma jkunx hemm xi jżomm lil min joqtol’. 

(jissokta)

Ħajr lis-Sur Eric Frendo li għaddieli d-dokument relattiv tad-dibattitu mill-Arkivju tal-Parlament.

Sport