Ħamsin sena mit-traġedja tal-Vulcan. Kien eżatt fl-14 ta’ Ottubru tal-1975 meta l-ajruplan Vulcan kien sploda fl-ajru u ġġarraf f’żona residenzjali f’Ħaż-Żabbar.
F’din it-traġedja nqatlu ħames membri tal-ekwipaġġ u Vincenza Zammit, mara li kellha 48 sena li kienet mixja fit-triq u ntlaqtet minn biċċiet tal-ajruplan. Minbarra dawn il-vittmi, kienu weġġgħu 20 Żabbari, uħud minnhom serjament, u l-inċident ikkawża ħsarat estensivi f’ħafna binjiet f’Ħaż-Żabbar.
L-ajruplan militari Ingliż kien qed itir mill-Ingilterra għal Malta fejn kien qiegħed jittajjar mill-pilota il-Logutenent tat-Titjira G. R. Alcock, u l-kopilota kien l-Uffiċjal tat-Titjir E. G. Alexander. Dawn it-tnejn kienu salvaw hekk kif irnexxielhom joħorġu mill-ajruplan qabel ma sploda u qabżu bil-paraxut.
Iżda fuq l-istess ajruplan kien hemm ħames membri oħra tal-ekwipaġġ li sfortunatament ma salvawx.
Dwar dan il-każ kienet infetħet inkjesta li kkonkludiet li kien “inċident li seta’ jiġi evitat”. L-inkjesta kienet ikkritikat lill-pilota Alcock talli ppermetta lill-kopilota Alexander iwettaq l-avviċinament finali mingħajr ma jagħtih informazzjoni adegwata, u sab li l-immaniġġjar tiegħu tal-ajruplan kien negliġenti.
Waħda mid-djar li ġarrbet ħsara serja nbniet mill-ġdid għad-detriment tal-RAF, u aktar tard ingħatat l-isem ġdid ta’ Vulcan. Peress li l-ajruplan ġġarraf f’żona residenzjali u kkawża ħsara kbira, id-diżgrazzji umani fuq l-art setgħu kienu ferm agħar tant li xi wħud interpretaw dan bħala miraklu.