Friday, December 13, 2024

50 SENA TA’ MALTA REPUBBLIKA

Aqra wkoll

Proprju illum qed infakkru l-50 anniversarju minn meta Malta telqet mill-monarkija barranija u saret Repubblika. Iżda, lil hinn mid-daqq tat-trombi u t-tazzi tal-grokkijiet, ikun tajjeb li nirriflettu x’fissret għall-poplu Malti din il-mixja kostituzzjonali hekk sinifikanti, u nistaqsu fejn wasalna fl-emanċipazzjoni politiku u soċjali tagħna.

Sa mill-bidu nett fl-1974, ir-Repubblika ta’ Malta ġiet dikjarata li se tinbena fuq ix-xogħol tal-ħaddiema Maltin. Illum il-ġurnata, ħamsin sena wara l-proklamazzjoni, nistgħu ngħidu bla tlaqlieq li dan l-għan intlaħaq għaliex kien bil-ħidma tal-Maltin li pajjiżna jinsab fejn jinsab.

Pajjiżna niseġ il-kostituzzjoni tiegħu stess, f’kommunita li issa hija suġġetta għal-liġijiet li jsiru minna stess u b’responsabbiltà għar-rabtiet u r-relazzjonijiet ta’ artna ma’’ nazzjonijiet oħra, mhux aktar iddettati minn gvern barrani. Kienet ukoll bidla kostituzzjonali biex il-kap tal-istat sar President magħżul mill-Maltin stess.

B’Malta repubblika, pajjiżna kiseb aktar l-identità tiegħu u Malta saret tassew Maltija.

Kif kien qal l-ewwel president tar-Repubblika, il-mibki Sir Anthony Mamo, biex għamlu tibdil fil-kostituzzjoni tagħhom kif għamlet Malta, pajjiżi oħra kellhom jirrikorru għall-ġlied u f’każi anki għat-tixrid tad-demm. F’pajjiżna dan ma sarx u dan għandu jibqa’ jsevi ta’ lezzjoni għalina biex fi kwistjonijiet nazzjonali naħdmu flimkien biex negħlbu l-problemi li jinqalgħu.

Imma l-parir li kien tana 50 sena ilu l-ewwel president ta’ Malta Repubblika qed insegwuh kif xieraq? Ma tantx naqblu li huwa hekk. Illum għandna fostna min jieħu gost u pjaċir jekk pajjiżna jgħaddi jew ikun għaddej minn xi diffikultà. Hija ħasra li dan għadu jseħħ għax fuq kollox ma jirriflettix is-sentiment u l-għaqda nazzjonali li rrenjat fost il-Maltin ta’ 50 sena ilu fil-proklamazzjoni ta’ Malta Repubblika.

Il-mibgħeda politika u l-assassinju tal-karattru ma jġibux ħlief firda u polorizzazzjoni sfrenata u inkontrollata. Sforunatament illum ninnotaw li l-partiġġjaniżmu li jikkondizzjona l-imħuħ u jxekkel il-progress żdied u mhux naqas.

Mela għandna lkoll flimkien bħala poplu wieħed, f’dan il-jum glorjuż tal-50 anniversarju ta’ Malta Repubblika, nistqarru li ma nħallux il-qasma politika tifred il-poplu. Il-qasma politika bejn il-partiti hija essenzjali għad-demokrazija għax tiggarantixxi l-alternanza, imma daqstant ieħor hija dannuża jekk tintuża biex tnissel il-firda fost il-poplu.

L-għaqda li rrenjat fost il-Maltin 50 sena ilu għandna għalfejn nigglorifikawha imma biex nagħmlu dan irridu nsegwuha mhux biss bil-kliem imma bil-fatti. B’hekk biss iċ-ċittadini tagħna jistgħu jkomplu jibnu u jassiguraw il-ġejjieni tagħhom fil-paċi u l-progress.

Ekonomija

Sport