Saturday, December 21, 2024

50 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi maċ-Ċina

Aqra wkoll

“Se nkompli naħdem biex inġib aktar ġid miċ-Ċina” – l-eks Ministru Reno Calleja

Il-31 ta’ Jannar, jimmarka ġurnata storika għal Malta. Ħamsin sena ilu, proprju fil-31 ta’ Jannar, 1972, l-Ambaxxatur ta’ Malta għal Ruma, is-Sur Carmel Mallia ppreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-Ambaxxatur Ċiniż f’Ruma Shen Peng.

Għal din l-okkażjoni storika, l-orizzont tkellem mal-eks Ministru Reno Calleja, meqjus bħala espert fuq ir-relszzjonijiet maċ-Ċina li hemmekk ghandu kuntatti kbar. Huwa żar iċ-Ċina aktar minn 50 darba.

Fit-13 ta’ Diċembru, f’Jum ir-Repubblika, fuq akkomodazzjoni tal-Prim Ministru Dr Robert Abela, il-President tar-Repubblika Dr George Vella, taħ l-unur ta’ uffiċjal ta’ Ġieħ ir-Repubblika. 

Dan seħħ  b’għarfien għal dak kollu li għamel is-Sur Calleja fl-Ewropa fil-bidu tas-sebgħinijiet u għal għexieren ta’ snin jaħdem biex ikattar u jkabbar il-ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina.

Is-Sur Calleja beda biex jitkellem dwar meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-1971, wieħed u ħamsin sena ilu fuq l-għajta li jbiddel it-trattat tad-difiża li kien għamel l-eks Prim Ministru Nazzjonalista Dr George Borg Olivier, fl-1964 qabel ma Malta ngħatat l-Indipendenza.

Huwa fisser kif Mintoff kien jagħraf li dan kien pass Kostituzzjonali importanti. Madankollu kien jaf li kollox kien baqa’ kkontrollat mill-Ingliżi u għalhekk ried ibiddel dan kollu.

“L-ewwel sinjal Mintoff taħ ftit ġranet wara li sar Prim Minstru. Ġagħal jitilqu minn Malta lill-Ammiral Gino Birindellli tan-Nato u lill-Gvernatur Sir Maurice Doman, li kien jirrapreżenta lir-Reġina. Lil dan kien qallu biex jippakkja u jitlaq u minfloku għamel Malti, lill-Prim Imħallef Sir Anthoy Mamo u b’hekk Malta kellha l-ewwel Gvernatur Malti.”

Is-Sur Calleja żied ifakkar li Mintoff dam jinnegozja xhur ma’ Lord Carrington li kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ingliż biex biddel it-trattat li kien għamel Borg Olivier biex flok il-miżerja ta’ 3 miljun liri Ingliżi li kienu jħallsu fi żmien Borg Olivier u ġab 14-il miljun liri Maltin. Barra minn dan, Mintoff qalfat lill-Ingliżi ‘l barra minn ħafna postijiet li bit-trattat li ffirma Borg Olivier kienu għadhom tagħhom, fosthom il-Marsa tal-Ingliżi. Fortizzi, barracks li wara ġew mibdula f’Housing Estates għall-ħaddiema, u miżuri oħra bħal dawn.

Mistoqsi kif u għaliex Mintoff iddeċieda li jmur iċ-Ċina eżatt wara li ffirma l-ftehim mal-Gvern Ingliż, Reno Calleja ssokta jgħid li Mintoff kien jaf li biex ibiddel l-ekonomija kellu bżonn l-għajnuna tal-pajjiżi barranin u għalhek  lanqas laħqet nixfet il-linka tal-ftehim li ffirma ma’ Lord Carrington li ma rħilhiex lejn iċ-Ċina.

“Mintoff, minbarra li kien negozjatur prim kellu wkoll viżjoni u kuraġġ. Kien jaqra s-sitwazzjoni internazzjonali qabel ħafna mexxejja oħra dinjin. Mintoff kellu jaqta’ r-relazzjonijiet ma’ Taiwan għax din kienet waħda mill-kundizzjonijiet li kienet tagħmel iċ-Ċina qabel twaqqaf relazzjonijiet ma’ pajjiżi barranin. (The One China Policy).”

Ta’ min ifakkar li l-President Amerikan Richard Nixon kien ħasad lill-Amerikani stess meta f’Mejju tal-1971, xahar qabel tela’ Mintoff fil-Gvern, ħabbar li kien se jżur iċ-Ċina. Biex dan seħħ kien hemm Riżoluzzjoni quddiem il-Ġnus Magħquda biex Taiwan jitkeċċa minn membru tal-Ġnus Magħquda u flokha ddaħħlet iċ-Ċina l-Ħamra. 

Kif kompla jfisser is-Sur Calleja, dan naturalment ma kienx iseħħ kieku l-Ameikani ma  baxxewx rashom għal dak li riedet iċ-Ċina. Nixon ma kienx ħmar.  Ried jirranġa maċ-Ċina l-Ħamra li kellha popolazzjoni ta’ ‘lfuq minn billjun ruh biex jinfiltra s-suq Ċiniz biex l-Amerika tibda tbiegħ il-prootti tagħha f’dak is-suq enormi. Nixon wasal iċ-Ċina fi Frar tal-1972

Mintoff dan kollu xammu tant li xahar  wara, fil-31 ta’ Marzu tal-1972 erħielha lejn iċ-Ċina u ċ-Ċiniżi tawh merhba akbar milli taw lil Nixon għax kienu impressjonati b’din it-tikka Malta, li bilkemm tidher fuq il mappa, dinjija. Din ma kinitx xi ħaġa ħafifa fi żmien meta l-Mediterran kien bahar fejn ir Russi u l Amerikani riedu jiddominaw għal finijiet militari, żied isemmi Reno Calleja.

Huwa kompla jgħid li Ċipru, Sqallija u kull pajjiż ieħor fil-Mediterran kien taħt l-influwenza jew tal-Amerikani jew tal-Unjoni Sovjetika.

Dwar il-laqgħat li Mintoff kellu kemm dam iċ-Ċina, Calleja fakkar li Mintoff iltaqa’ ma’ Mao Zhe Dong, il-mexxej Ċiniż u mal-prim ministru Ċiniz Chou En Lai.

“Dakinhar, iċ-Ċina mhux biss tat lill-Malta 18-il miljun lira f’self mingħajr imgħaxx imma mbarkat ukoll fuq l-akbar żewġ progetti infrastrutturali li qatt rat Malta, il-bini tal-baċir numru sitta biex tankers kbar taż-zejt ikunu jistgħu jidħlu u jissewwew fit-tarzna, u l-Port Ħieles ta’ Birżebbuga u Marsaxlokk li jien kelli l-unur li nkun chairman tiegħu b’eluf ta’ ħaddiema Maltin jaħdmu hemm u magħhom 200 inġinieri Ċiniżi”.

Mistoqsi x’wasslu jibda ħbiberija maċ-Ċina, Reno Calleja fakkar li kien għadu taħt l-20 sena meta beda jkun attiv fl-Għaqda Żgħażagħ Laburisti meta wkoll il-politika internazzjonali kienet tinteressah ħafna tant li beda jikkontribwixxi fis-segretarjat internazzjonali tal-Għaqda. Semma wkoll li għad għandu skoss kopji ta’ ittri minn dak li huwa kien jittajpja għal Mintoff biex jibgħathom lill-mexxejja dinjin.

“Il-ħolma tiegħi li kien dakkarna biha Mintoff lilna ż-żgħażagħ kienet li Malta tkun tassew ħielsa mingħajr bażijiet militari. Meta rajt liċ-Ċina tagħti dan kollu lil Malta ħassejt li l-ħolma tiegħi kienet se titwettaq. Iż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien kellna żelu qaddis. Konna nemmnu li rridu naslu fejn iridna Mintoff,” qal Calleja.  

“L-ewwel li smajt biċ-Ċina kien fl-1969, sentejn qabel tela’ Mintoff fil-gvern. Bħala ġurnalist tal-Orizzont kont immur il-Parlament biex nikteb dak li jiġri hemm. Kont nitgħaxxaq nisma lil Mintoff u kelliema oħra Laburisti u anke xi Nazzjonalisti jitkellmu. Darba kien kont tiela’ fuq u sejjaħli Mintoff biex ikellemni u qalli biex inħares lejn iċ-Ċiniżi. Ngħid is-sewwa bilkemm fhimtu x’ried jgħidli.”

Kien hawn fejn Reno Calleja tkellem dwar it-twaqqif tal-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina. Qal li jiftakar lill-kitteb famuż Richard Gibson jgħidlu li fl-Ingilterra kien hemm għaqda jisimha SACU (Society for Anglo-Chinese Understanding). Huwa qal li kien kellem lil Charlie Mizzi, news editor ta’ L-Orizzont u sussegwentement twaqqfet l-Għaqda. 

“Minn dakinhar ‘l quddiem qatt ma ħarist lura. Bqajt ħabib maċ-Ċiniżi. Kont nemmen li biex jitneħħa l-preġudizzju kontra ċ-Ċiniżi kien jeħtieġ inġib Malta l-kultura Ċiniza. Gruppi akrobatiċi, artisti, skulturi, players tat-table tennis u kull xorta oħra ta’ arti u kultura,” qal Calleja. 

Huwa jsemmi kif il-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi wasslet biex anke meta faqqgħet il-Covid lilu tawh 30 magna tan nifs (respirators) u 80,000 maskra li tahom lill-Ministeru tas-Saħħa. “Lili jirrispettawni ħafna u sitt snin ilu l-gvern provincjali ta’ Shanghai tawni l-Magnolia Award li hu l-ogħla unur li jista’ jingħata lill-barranin.”

“Kont ukoll strumentali bl-appoġġ tal-Ministru Evarist Bartolo meta kien Ministru tal-Edukazzjoni, u l-Professur Juanito Camilleri, li kien Rettur tal-Università, biex ġibt Malta lill-Università tal-Akupuntura u l-Mediċina tradizzjonali Ċiniża u fetħu klinika fl-Università. Ġie introdott Masters Degree, kors, f’din il-linja fejn jiġu professuri Ċiniżi jgħallmu lil studenti Maltin. Sal-lum hemm sitt Maltin li ggradwaw f’dan il-qasam. Se nkompli naħdem biex ingib aktar ġid miċ-Ċina,” tenna s-Sur Calleja. 

‘Xi snin ilu ministru Ċiniż staqsieni, ‘Reno għaliex tħobb liċ-Ċina daqshekk?’ Fil-pront weġibtu ‘lil Malta nħobbha aktar, iżda intom dejjem għintuna. Impressjona ruħu b’dan il-kliem. Għannaqni miegħu u qalli ‘Reno aħna ma’ diversi pajjiżi għandha żwieg tal-konvenjenza. Ma’ Malta għandna żwieġ ta’ mħabba. Mhux ta’ bxejn li fid-19 ta’ dan ix-xahar il-mexxej Ċiniż Xin Ping ċempel lill-President ta Malta Dr George Vella biex jfakkru li din l-imhabba bejn Malta u ċ-Ċina għalqet 50 sena u stiednu biex iżur ċ-Ċina,” temm jgħid Calleja. 

Ekonomija

Sport