Monday, May 13, 2024

50 student itemmu kors ta’ taħriġ fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta

Aqra wkoll

Ħamsin student temmew b’suċċess kors fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta, li permezz tiegħu tgħallmu affarijiet essenzjali li jistgħu jiltaqgħu magħhom tul ħajjithom. Dawn l-istudenti, li l-età tagħhom tvarja bejn l-14 u s-17-il sena,  flimkien mal-youth workers tagħhom mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali (FSWS) kellhom programm ta’ tliet ġimgħat taħriġ f’diversi servizzi u snajja’ tal-Forzi Armati ta’ Malta.

F’dan l-eżerċizzju l-istudenti wettqu numru ta’ sessjonijiet differenti, fejn matulhom huma kienu mitluba juru l-kapaċità fiżika u psikoloġika tagħhom u kif jistgħu jsolvu sitwazzjonijiet fuq bażi individwali kif ukoll minn att kollettiv.

Dan il-proġett tal-FSWS beda fis-sena 2015, u gradwaw minnu mal-144 student, u saħansitra numru minnhom illum jaħdmu fil-Forzi Dixxiplinati ta’ Malta.

Intant, dawn l-istudenti ġew magħżula sabiex jipparteċipaw f’dan il-programm magħruf bħala ‘Adolescent Day Programme’, li jgħin biex jimmassimizza l-iżvilupp soċjali u emozzjonali tal-istudenti. 

Tul dawn l-aħħar ġimgħat huma ngħataw iċ-ċans li jwettqu xogħol relatat ma’ mekkanika, inġinerija u xogħol ieħor tal-idejn, sabiex jingħataw idea tax-xogħlijiet differenti fejn fih jistgħu jinteressaw ruħhom f’karrieri differenti.

Fi tmiem dan it-taħriġ l-istudenti ingħatalhom ċertifikat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon u mill-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, Clinton O’Neill.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li din iċ-ċerimonja hija l-qofol ta’ dak kollu li dawn iż-żgħażagħ għamlu tul dawn l-aħħar ġimgħat fid-diversi taqsimiet tal-Forzi Armati ta’ Malta. Qal li l-Forzi Armati joffru opportunità bla paragun biex wieħed jilħaq l-aspirazzjonijiet, u hu vjaġġ li jmur lil hinn mill-ambizzjonijiet personali u joffri impenn għal xi ħaġa akbar, li jservu u jħarsu lin-nazzjon u liċ-ċittadini tiegħu.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal, “Dan il-gvern ser ikompli jaħdem sabiex jindirizza realtajiet soċjali ġodda, u filwaqt li nagħtu dinjità lil kull persuna, naraw li s-soċjetà tibqa’ tgawdi minn sens ta’ stabbiltà u dixxiplina, naraw li ħadd ma jaqa’ lura, irrelevanti minn dak li għaddejjin minnu jew li jkunu fi żvantaġġ konsegwenza tal-ambjent li jgħixu fih.”

Sport