Il-kwistjoni tad-dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista, li issa anke qegħdin jitkellmu fuqu il-kontestanti għat-tmexxija tal-Kap Nazzjonalista, qiegħda tkun diskussa f’għadd ta’ gruppi magħluqin li fihom hemm tesserati u kandidati Nazzjonalisti. Dwar il-kwistjoni tad-dejn kemm Adrian Delia kif ukoll Alex Borg ikkummentaw u ddikjaraw li ma jafux kemm jammonta d-dejn tal-Partit Nazzjonalista. Huma qegħdin jikkommettu ruħhom li jippubblikaw f’qasir żmien il-kontijiet awditjati tal-Partit Nazzjonalista.
Quddiem dan għadd ta’ tesserati Nazzjonalisti tkellmu u esprimew it-tħassib dwar id-dejn. Fi grupp minnhom sar suġġeriment u dan anke talab il-ħsibijiet tat-tesserati. Dan il-messaġġ kien jgħid jekk wasalx iż-żmien li t-tesserati li jammontaw għal 23,000 persuna għandhom joħorġu €500 fis-sena biex jibda jkun solvut id-dejn tal-Partit Nazzjonalista. Diversi kienu dawk li kkummentaw li wasal iż-żmien li ssir inkjesta interna biex ikun stabbilit għaliex il-Partit Nazzjonalista spiċċa b’ammont qawwi ta’ dejn.
Il-messaġġ kien jgħid hekk: “l-aħwa l-problema tad-dejn tibqa’ jitla’ min jitla’ Kap. Jekk bħala tesserati nagħtu €500 fis-sena ovvjament min jista’. Il Partit Nazzjonalista għandu 23,000 tesserat u għalhekk jekk imqar 15,000 tesserat jagħtu €500 fis-sena, dan ifisser €7.5 miljun. Dawn jitnaqqsu mid-dejn. X’taħsbu?”.
Il-kummenti kienu varji. Kien hemm diversi li qablux u staqsew kif jistgħu bil-pensjoni jagħtu dawk l-ammonti. Oħrajn kienu favur li jinġabru ammonti żgħar u b’hekk ħafna jagħtu l-għajnuna tagħhom. Kienu diversi li staqsew li l-ewwel irid jiġi stabbilit għax sar dan id-dejn kollu u min kien responsabbli. Kienu diversi dawk li talbu għal inkjesta interna.
X’qalu l-kandidati fl-aħħar
jiem dwar id-dejn u l-finanzi tal-Partit Nazzjonalista
Dr Alex Borg ikkummenta dwar dan u qal li ‘jien se nkun qed nagħmel mezz li nara l-karti kollha li hemm. Jiena għadni m’inix il-Kap tal-Partit u għadni ma nafx l-istorja kollha.”
Hu ddikjara li ma jafx kemm hu d-dejn tal-Partit Nazzjonalista. Spjega li se jappunta kumitat tal-awditjar biex jistudja s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista. Tenna li “jiena fl-ewwel mitt ġurnata se nappunta kumitat tal-awditjar li diġà hemm il-persuni lesti biex jidħlu għaliha u diġà qed jistudja biex is-sitwazzjoni tal-assi tal-partit”.
Adrian Delia ukoll ma jafx kemm hu d-dejn
Min-naħa l-oħra, Adrian Delia esprima ruħu dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista, u ddikjara li ma jafx kemm hu dejn. Hu spjega li kien jaf kemm kien id-dejn fi żmienu iżda imbagħad ipponta lejn it-tmexxija li ġiet wara u qal li imbagħad fis-snin ta’ wara ma ġewx ippubblikati l-kontijiet finanzjarji awditjati tal-Partit u għalhekk ma jistax ikun jaf kemm hu id-dejn.
Adrian Delia fil-fatt jiddikjara li “jien dejjem, dejjem ippubblikajt l-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista. L-informazzjoni li għandi mhux għax naf imma għax staqsejt hija li żdied, minn żmieni.”
It-tesserati jesprimu rabja u tħassib
Għal kumment li inkiteb u li beda jistaqsu għal għotja ta’ €500 f’sena, saru għadd ta’ kummenti. Fost dawn kien hemm: “iva naqbel li nagħtu imma mhux €500 fis-sena għax in-nies mhux kulħadd jista’. Sa €20 fix-sahar naqbel u anke meta nħallsu t-tessera nagħtu donazzjoni imqar ta’ €5. Qatt tagħmlu ċifri kbar għax ma tiġbrux iżda tagħmlu donazzjonijiet żgħar fix-xahar il-bniedem jagħti żgur.”
Kumment ieħor kien jgħid li “trid tara min għamlu u min gawda ħalli jitkeċċa min hemm.”
Kummel ieħor kien jgħid li “mela hekk nagħmlu. Jaraw min għamel id-dejn għax jekk ma jagħmlu hekk min ikun jibqa’ semjer hekk u fejn aħna nibqgħu”.
Persuna oħra kitbet li “l-ewwel qabel idur fuq it-tesserati ġenwini għandha ssir inkjesta ħalli naraw min hu responsabbli mhux qisu ma ġara xejn.”