Sunday, October 27, 2024

513,979 passiġġier għaddew mill-ajruport f’April li għadda

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’April li għadda għaddew madwar 513,979 passiġġier mit-Terminal tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan it-total fisser rkupru ta’ 78.7% tal-livelli tat-traffiku ta’ qabel il-pandemija, jiġifieri l-ogħla rata ta’ rkupru li rreġistra l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sa issa.

Għadd ta’ fatturi, inklużi t-tnedija tal-iskeda ta’ titjiriet tas-sajf li toffri konnessjonijiet aħjar, u r-rilaxx tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn Malta kienu kontributuri important għar-riżultati pożittivi tax-xahar li għadda.

Il-vaganzi tal-Għid iżda taw l-akbar spinta lit-traffiku bl-ajru. Matul l-aktar ġimgħa impenjattiva tax-xahar li għadda, li ħabtet bejn it-18 u l-24 ta’ April, għaddew 133,267 passiġġier mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li huwa bejn wieħed u ieħor kumparabbli mat-traffiku li ra l-ajruport fl-ewwel xahar tas-sena.

L-aqwa swieq tal-ajruport baqgħu l-Italja fil-quċċata tal-lista, b’114,707 movimenti tal-passiġġieri, segwita mir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja.

It-traffiku ta’ April filwaqt li jawgura tajjeb għax-xhur li ġejjin li matulhom mistenni r-rilaxx ta’ domanda akbar għall-ivvjaġġar li kienet ġiet ristretta mill-COVID, informazzjoni li ġiet ippubblikata dan l-aħħar turi li għall-ewwel kwart tas-sena Malta kompliet tirkupra aktar bil-mod mill-kompetituri Mediterranji tagħha.

Sport