L-Aġenzija Sapport tmexxi 10 residenzi fil-komunità f’Malta u oħra f’Għawdex. Dawn huma parti mis-servizz tas-Supported Independent Living, li l-għan tiegħu huwa li jagħti sostenn lill-persuni b’diżabilità fi djar jew appartamenti mmexxija mill-Aġenzija waqt li jsegwu programmi u pjanijiet personalizzati sabiex jakkwistaw ħiliet li jgħinuhom jgġixu indipendenti fil-komunità.
Qalet dan il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritilha mid-Deputat Laburista Carmelo Abela, minn fejn jirriżulta li 52 persuna b’diżabilità qed jgħixu f’dawn id-djar residenzjali.
Id-djar residenzjali mmexxija mill-Aġenzija Sapport jinsabu f’Bormla, f’Birżebbuġa, l-Imtarfa, is-Siġġiewi, Ħal Kirkop, il-Fgura, Pembroke, Ħaż-Żabbar, il-Marsa, iż-Żurrieq u r-Rabat, Għawdex.
Mistoqsija kemm hija l-lista ta’ stennija biex persuni b’diżabilità jirċievu dan is-servizz, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li din il-lista qiegħda tiġi riveduta biex tirrifletti d-direzzjoni lejn id-de-institulizzazzjoni, bl-għan li kemm jista’ jkun persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu fil-komunità bis-sapport meħtieġ.
“Flimkien mal-persuni b’diżabilità, qed nevalwaw is-sitwazzjoni ta’ kull persuna biex naraw liema għażliet huma l-aktar adattati għall-bżonnijiet tagħhom,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.