Sunday, December 22, 2024

52 sewwieq Malti pparteċipaw fit-“Time Attach Championship”

Oliver Attard
Oliver Attard
Ġurnalist Sportiv / Motorsports

Aqra wkoll

Is-Sibt 4 u l-Ħadd 5 ta’ Diċembru, sar l-aħħar round tat-“Time Attach Championship” fl-Autodromo Valle Dei Templi f’Racalmuto fi Sqallija. 52 sewwieq Malti kienu fost it-300 minn diversi pajjiżi li kkompetew f’dan il-11-il kampjonat.

Il-bandiera Maltija kienet preżenti fuq kull Podju, u sewwieqa Maltin rebħu erba’ klassijiet.

Il-Kampjonat Time Attack ta’ Racalmuto kien idea tad-direttur taċ-ċirkwit Michelangelo Romano, il-forza ewlenija wara l-aktar ċirkwit tat-tlielaq tal-muturi u karozzi ta’ suċċess fi’ Sqallija fl-aħħar għaxar snin.

Daniel Montebello tellaq f’Racalmuto għal diversi snin u din is-sena rebaħ 2 klassijiet fil-kampjonat bin-Nissan GTR u l-Mitsubishi EVO tiegħu fil-gruppi Stock u Pro, rispettivament. Dan l-istaġun, Montebello kiseb 400 punt minn 700 possibbli, u saq il-Mitsubishi EVO tiegħu modifikata ħafna, imħejjija għal kollox minn ħuh Miguel. It-tieni, Simon Camilleri kien fil-kategorija Pro 4 wheel drive, li jsuq ukoll Mitsubishi EVO veloċi.

Johann Spiteri, li kien qed isuq il-Mitsubishi EVO ta’ Aldo Laferla rebaħ il-grupp “Open” għal karozzi four-wheel drive modifikati ħafna, klassi ddominata għal kollox mill-kompetituri Maltin. Tarcy Cassar spiċċa t-tieni fil-klassi, fuq Mitsubishi EVO super-veloċi, u Ronnie Mercieca spiċċa t-tielet b’Subaru Impreza tiegħu. It-3 tellieqa Maltin temmew il-kampjonat tas-7 rawnds b’punti ugwali. Spiteri għamel l-iktar dawra veloċi tal-klassi, f’1 minuta 8 sekondi b’hekk ħa l-ewwel post.

Ir-raba’ rebbieħ Malti kien il-veteran Joe Anastasi, li rebaħ il-klassi Open 1600 b’490 punt tal-kampjonat bi 30 kompetitur. L-2021 hija l-5 sena wara xulxin li fiha “John Bull”, kif inhu magħruf mad-dilettanti lokali tal-isport, rebaħ ukoll il-klassi. Joe isuq Mini modifikat ħafna u mħejji minnu stess, kif ilu jgħamel għal dawn l-aħħar 57 sena.

Nikolai Degiorgio għeleb disa’ kompetituri oħra fl-“Stock Road Cars” u spiċċa fit-tielet post bl-Alfa Romeo Stelvio tiegħu, filwaqt li fil-klassi “Open Racing”, Lawrence Grixti spiċċa l-kampjonat fit-tieni post bil-Mazda RX7 tiegħu li kienet impressjonantiment veloċi. Grixti mistenni lura b’RX7 saħansitra akbar u aħjar fl-istaġun li ġej.

Fil-karozzi Honda Civic, żewġ sewwieqa ġodda Darren Formosa u Luke Schembri, irnexxielhom jaslu f’kull klassi tal-kompetizzjoni. Formosa spiċċa fit-tielet post fil-kategorija Pro 2 Litre fost għaxar kompetituri, filwaqt li Schembri spiċċa it-tielet fil-klassi Open 2 Litre minn 13-il kompetitur.

Fi tmiem iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni tal-premjijiet tal-Ħadd li għadda, Dr Romano ppreżenta tliet premjijiet speċjali lit-tliet sewwieqa regolari l-aktar anzjani fil-kampjonat. Fost dawn, minn tlieta, kien hemm żewġ Sewwieqa Maltin, Aldo Laferla – li twieled fl 1933, u Joe Anastasi – li twieled fl-1946. Ġest sabiħ ħafna u waħda mir-raġunijiet għaliex l-Autodromo Valle Dei Templi huwa stmat daqshekk mid-dilettanti tal-isport.

Ekonomija

Sport