Thursday, December 26, 2024

5,200 first-time buyer bdew jirċievu l-pagament tal-għotja ta’ €10,000 fuq 10 snin

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa timmarka pass importanti fl-impenn kontinwu tal-Gvern biex ikompli jappoġġja lil dawk li jixtru dar għall-ewwel darba. Din il-ġimgħa, 5,200 first-time buyer se jirċievu l-ħlas bħala parti mill-iskema ta’ €10,000 fuq 10 snin.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes li qal li din l-inizjattiva tenfasizza d-dedikazzjoni tal-Gvern biex il-homeownership isir realtà għal dawk li ilhom jaspiraw għaliha. Huwa spjega li matul din il-ġimgħa kważi 2,800 first-time buyer li xtara proprjetà fl-2022 se jkunu qegħdin jirċievu t-tieni pagament tagħhom filwaqt li kważi 2,220 first-time buyer se jkunu qegħdin jirċievu l-ewwel għotja ta’ €1,000 fis-sena għal-10 snin. Dan ifisser li bejn is-sena li għaddiet u din is-sena, il-Gvern investa aktar minn €7.7 miljun f’din l-iskema.

“L-iskema tal-first-time buyers hija xhieda tal-impenn tagħna li ngħinu aktar familji u żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom. Billi nipprovdu din l-għajnuna finanzjarja, qed intaffu ftit mill-piżijiet assoċjati sabiex wieħed isir sid ta’ daru,” stqarr il-Ministru Galdes.

Huwa spjega li din l-għotja hija parti mill-istrateġija ħolistika tal-Gvern biex ikompli jtejjeb is-settur tal-akkomodazzjoni, filwaqt li jħares il-bżonnijiet diversi taċ-ċittadini. “Il-policies tagħna huma mfassla mhux biss biex jappoġġjaw lil dawk fil-bżonn iżda wkoll biex joħolqu opportunitajiet għal kulħadd biex jiksbu stabbiltà u sigurtà fit-tul permezz ta’ saqaf diċenti u dinjituż,” tenna l-Ministru Galdes.

Il-Ministru Galdes kompla li minbarra din l-għotja, il-Gvern qed jimplimenta diversi miżuri oħra immirati lejn it-tisħiħ ta’ dan is-settur bħall-bini ta’ housing soċjali u affordabbli, skemi ta’ self, u l-benefiċċju tal-kera, kif ukoll li jintroduċi policies li jistabbilizzaw dan is-settur biex ikun żgurat li jibqa’ aċċessibbli għal kulħadd.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal, “Huwa ta’ sodisfazzjon li għal darb’oħra mexxejna b’suċċess l-iskema tal-First-Time Buyers. L-Awtorità għandha l-impenn li tibqa’ ssaħħaħ dawn l-iskemi innovattivi u li dejjem toffri servizzi aktar diġitali u effiċjenti.”

Ekonomija

Sport