Monday, December 23, 2024

541 rapport lill-Pulizija li jinvolvu minuri fl-aħħar tliet snin u nofs

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bejn l-2018 u Ġunju tal-2021, saru 541 rapport lill-Pulizija dwar każi li jinvolvu minuri taħt l-età ta’ 18-il sena. Qal dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Laburista Silvio Grixti.

Il-Ministru Camilleri spjega li fir-rigward tal-każi li jinvolvu feriti fuq il-persuna u vjolenza domestika, għalkemm il-persuni minuri huma reġistrati bħala vittma fir-rapport, jista’ jagħti l-każ illi l-imsemmi abbuż fiżiku jkun sar fuq terzi persuni oħra, li wkoll jistgħu jkunu mniżżla bħala vittma fl-istess rapport, liema rapport jista’ jinkludi aktar minn vittma waħda. Dwar il-każi ta’ offiżi sesswali, dawn juru n-numru effettiv ta’ vittmi taħt it-18-il sena.

Qal li fl-2018 saru b’kollox 158 rapport li huma maqsuma kif ġej: feriti fuq il-persuna (80), vjolenza domestika (53) u offiżi sesswali (25). Is-sena ta’ wara saru 168 rapport, bl-akbar numru minn dawn kienu dwar feriti fuq il-persuna (84) segwiti minn rapporti ta’ vjolenza domestika (62) u dwar offiżi sesswali (22).

Fis-sena 2020, meqjusa bħala s-sena tal-pandemija, saru b’kollox 142 rapport ta’ każijiet li jinvolvu vittmi taħt it-18-il sena. Meta mqabbel mas-sena ta’ qabel kien reġistrat tnaqqis fir-rapporti dwar feriti fuq il-persuna u vjolenza domestika rispettivament, fejn fl-2020 saru 58 u 54 rapport rispettivament. Min-naħa l-oħra, ġew irrapportati tmien każi aktar mis-sena ta’ qabel fejn jirrigwardjaw l-offiżi sesswali, meta hemm 30 rapport fl-2020. 

Din is-sena, sa Ġunju, daħlu 73 rapport fis-sistema elettronika tal-Pulizija, li 30 minnhom kienu dwar każi li jinvolvu feriti fuq il-persuna, 25 fuq vjolenza domestika u 18 kienu dwar każi ta’ offiżi sesswali. 

Ekonomija

Sport