Wednesday, March 27, 2024

5,489 tifel u tifla lura fuq il-bankijiet tal-iskola

Aqra wkoll

Fl-iskejjel statali f’Malta u Għawdex, total ta’ 5,489 tifel u tifla mit-tieni sena tal-Kindergarten, is-sitt sena u d-disa’ sena llum irritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola. Bħala perċentwal, attendew 78% tal-istudenti eleġibbli tad-disa’ sena, 77% tal-istudenti eleġibbli tas-sitt sena u 60% tal-istudenti eleġibbli tat-tieni sena tal-kindergarten. 

L-istudenti rritornaw fi skejjel li qed joperaw b’mod differenti mis-soltu u dan sabiex jiġi mħares il-protokoll imfassal mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika, b’konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel b’iktar minn ħamsin miżura li għandhom l-għan li jiġi minimizzat kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ trasmissjoni ta’ COVID-19.

Uħud mill-miżuri jinkludu sistemi ġodda ta’ kif it-tfal jidħlu fl-iskola, ingaġġ ta’ uffiċjali tas-sigurtà f’kull skola, żieda ta’ 40% f’sigħat ta’ tindif fl-iskejjel, distanzi soċjali bejn is-siġġijiet fil-klassi, raggruppar ta’ studenti fi gruppi distinti, użu ta’ maskli jew visors skont kif spjegat fil-protokoll u promozzjoni ta’ użu ta’ ħasil tal-idejn u iġjene. 

Fi żjara li għamel il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Permanenti Frank Fabri fl-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke (Kulleġġ Santa Klara) li laqgħet fiha l-istudenti tad-disa’ sena, huwa seta’ jara li l-proċess kien tajjeb ħafna u effiċjenti. L-iskola, bħall-bqija tal-iskejjel, hija ppreparata u mħejjija sabiex titkompla l-edukazzjoni waqt li jiġi mħares il-protokoll biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ trasmissjoni. 

Għada jmiss li jidħlu l-istudenti tal-ewwel sena tal-Kindergarten, l-ewwel sena u l-ħdax-il sena. L-istudenti se jkunu daħlu kollha lura skont is-snin li jinsabu fihom sal-Erbgħa li ġej. 

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jirringrazzja lill-edukaturi, staff, ġenituri u studenti tal-koperazzjoni li qed tintwera. 

Ekonomija

Sport