Monday, June 16, 2025

55% tan-negozji Għawdxin iridu jżidu aktar l-investiment

Intervista ma’ Daniel Borg, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Għawdxin

Aqra wkoll

Ħamsa u ħamsin fil-mija (55%) tan-negozji Għawdxin rrappurtaw li jridu jżidu l-investiment u dan ifisser żieda ta’ seba’ punti perċentwali meta kkumparat ma’ Settembru tas-sena l-oħra.” Hekk stqarr magħna Daniel Borg, Kap Eżekuttiv tal-Gozo Business Chamber meta ġie mistoqsi dwar l-andament tan-negozji f’Għawdex u anke dwar l-aħħar stħarriġ li sar li ġie ppubblikat ftit tal-jiem ilu.

Borg beda jitkellem magħna dwar ir-reġjonalità u għalhekk mill-ewwel staqsejna imma xi tfisser eżatt reġjonalità?

“F’kull kuntest ir-reġjonalità tfisser fil-każ ta’ Għawdex li aħna ma npoġġux kollox f’keffa waħda imma nieħdu l-perspettiva u f’kull każ nistudjaw dak li qed jiġri f’Għawdex. Dan iwassal biex noħorġu bi proposti li verament ikunu jgħoddu u jsolvi l-problemi li jaffaċċjaw in-negozji Għawdxin, filwaqt li noffru wkoll proposti li jistgħu jtejbu l-ekonomija Għawdxija,” stqarr magħna Borg.

Nitkellmu dwar l-istħarriġ li ġie ppubblikat fejn is-Sur Borg jgħidilna li “dan huwa l-ħsieb wara dan l-eżerċizzju li jsir kull sitt xhur tal-Gozo Business Sentiment Survey, eżerċizzju konġunt bejn l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, u l-Gozo Business Chamber. F’dan l-eżerċizzju 80 intrapriża u kumpanija jiġu kkuntattjati biex joffru l-perspettiva tagħhom fuq kif inhu sejjer in-negozju tagħhom. Il-mod kif jiġu magħżula huwa wieħed li verament jirrapreżenta l-firxa tan-negozji Għawdxin. Il-mistoqsijiiet jibqgħu l-istess minn stħarriġ għall-ieħor. Madanakollu ma’ kull stħarriġ jiġu deċiżi numru żgħir ta’ mistoqsijiet li jitrattaw suġġetti speċifiċi. Din id-darba is-suġġett tratta l-wellbeing fuq il-post tax-xogħol.

L-aħħar stħarriġ li sar f’Marzu ta’ din is-sena u li r-riżultati tiegħu ġew ippublikati f’dawn l-aħħar ġimgħat juri riżultati tajbin. Madanakollu dawn iridu jiġu studjati fil-kuntest tagħhom.”

Andament tan-negozju pożittiv

Il-kundizzjonijiet tan-negozju f’Għawdex baqgħu pożittivi b’mod ġenerali matul dawn l-aħħar sitt xhur. Bejn Settembru 2024 u Marzu 2025, 30% tan-negozji indikaw li l-kundizzjonijiet tagħhom tjiebu, meta mqabbla ma’ 20% fil-perjodu ta’ qabel. Fl-istess ħin, dawk li qalu li l-kundizzjonijiet marru għall-agħar naqsu għal 16% minn 20% (kif kien irrappurtat f’Settembru 2024).

Is-settur sekondarju (manifattura u kostruzzjoni) u s-settur tas-servizzi (b’mod partikolari dawk relatati mat-trasport u storage) rreġistraw bilanċi netti pożittivi ta’ 17% u 15% rispettivament. Madanakollu, dan is-sentiment ġenerali pożittiv fis-servizzi ma rriflettiex ruħu fis-settur tal-akkomodazzjoni u l-ikel, fejn 22% qalu li l-kundizzjonijiet tjiebu, imma 33% qalu li marru għall-agħar – bilanċ nett negattiv ta’ 11%. 

“Hawnhekk huwa mportanti li wieħed jagħmel ftit riflessjonijiet. Is-settur tat-turiżmu huwa settur li f’dawn l-aħħar snin sar investiment sinifikattiv mis-settur privat f’Għawdex. Billi dan huwa settur li fuqu Għawdex jiddependi b’mod qawwi u li kompla u għadu jmexxi l-ekonomija Għawdxija, kien attrajenti għal numru ta’ nies u intrapriżi biex jinvestu fih. 

“Madanakollu dan wassal għal-kompetizzjoni kbira bejn min qed joffri dawn is-servizzi. F’Għawdex din il-problema tista’ tinħass iktar meta wieħed jikkunsidra li l-biċċa l-kbira tal-akkommodazzjoni f’Għawdex hija self catering u għalhekk anki persuna li ma għandhiex negozju tista’ tiddeċiedi li titfa l-propjeta tagħha għax-short lets,” kompla jgħidilna l-Kap Eżekuttiv.

Is-suq tal-proprjetà

Staqsejna wkoll lil Borg dwar is-suq tal-proprjetà u anke l-andament tiegħu fil-gżira Għawdxija. 

“L-andament fis-suq tal-proprjetà f’dawn l-aħħar snin juri li din hi xejra li tista’ tkompli tikber hekk kif kien hemm ħafna nies minn Malta li xtraw it-tieni proprjetà tagħhom f’Għawdex u dan jista’ jwassal ukoll li jiddeċiedu li jikru l-proprjetà tagħhom għal dan is-suq. L-istess jista’ japplika għall-Għawdxin li f’dawn l-aħħar snin investew b’mod konsistenti fil-proprjetà. Meta wieħed jikkunsidra wkoll iż-żjieda fil-pjattaformi li fuqhom wieħed jista’ jikri l-proprjetà tiegħu, dan juri li f’kuntest fejn l-ispejjez huma telgħin (għalkemm l-aħħar stħarriġ wera li dan qed juri tnaqqis) u d-diffikultà biex wieħed isib il-ħaddiema adattati, huwa normali li dan is-settur qed ikollu pressjonijiet sinifikattivi,” ikompli jistqarr magħna Daniel Borg.

Jgħid li għalhekk forsi dan għandu jwassal għal ċertu riflessjonijiet ta’ regolamentazzjoni ikbar ta’ dan is-suq li tassigura kemm il-kwalità tal-akkommodazzjoni li qed tiġi offruta u kemm in-numru. 

“Ta’ min jgħid li ż-żieda ta’ self catering units għal short term lets f’pajjiżi oħra kien sinonimu ma’ pressjoni ikbar fuq il-prezzijiet tal-proprjetà. F’kuntest fejn il-koppji tagħna qed isibu iktar diffikulta biex jixtru l-proprjetà tagħhhom dan huwa fattur li jrid jiġi kkunsidrat. F’kull sitwazzjoni dan huwa bilanċ li jrid jinstab, li mhux faċli, imma li bil-kontribut ta’ kulħadd dan huwa possibli. L-istess diskors japplika għas-settur tal-ikel jew ristoranti. F’kuntesti ta’ kompetizzjoni ikbar, ta’ spejjeż jogħlew u ta’ diffikultajiet biex wieħed isib il-ħaddiema, wieħed irid jikkunsidra kemm il-gżira tagħna kapaċi tassorbi attività f’dan is-sens. Il-liċenzjar u l-permessi jridu jimxu id’ f’id ma’ dak li hu possibli jsir u dak li verament tiflaħ il-gżira tagħna,” jgħid il-Kap Eżekuttiv.

“Dan l-andament pożittiv inġenerali wera ruħu kemm fl-istennija ta’ prezzijiiet ogħla għall-prodotti tagħhom (li għalkemm għoli) kompla jonqos, impjiegi (f’terminu li ħafna negozji qed jistennew li jimpjegaw iktar nies). Fuq kollox iktar negozji rrappurtaw li jridu jżidu l-investiment (55%), żieda ta’ 7 punti perċentwali meta kkumparat ma’ Settembru tas-sena l-oħra,” itemm jgħid Borg ma’ dan il-ġurnal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport